Tista’ tgħid tiegħek dwar s-servizzi ta’ respite

DOI - Clifton Fenech

Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-istandards soċjali regolatorji għas-servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità. Waqt it-tnedija, s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis saħaq dwar l-importanza li l-ġenituri u qraba ta’ persuni b’diżabilità jieħdu l-mistrieħ tagħhom ukoll.

Hu qal li biex wieħed jagħżel li jagħmel il-pass u jibda’ jagħmel użu mis-servizzi ta’ respite, iridu jiżguraw ruħhom li s-servizzi huma ta’ kwalità għolja u li qed tkun offruta sigurtà massima. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-iStandards tal-Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal li l-Awtorità qed tniedi standards oħrajn immirati għal servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità. Dawn l-istandards huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ dinjità, privatezza, għażla u t-twettiq tal-potenzjal tal-individwu.

Agius Decelis ħeġġeġ lill-pubbliku u lil kull min għandu għal qalbu s-settur tad-diżabiltà biex jibgħat il-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu dwar dak propost fil-linji gwida u fl-abbozz legali.

Wieħed jista’ jagħti sehemu billi jibgħat email fuq feedback.scsa@gov.mt jew Regulation and Standards Office, Social Care Standards Authority, 469, l-Istitut Buġeja, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, SVR 1012 sal-31 ta’ Diċembru 2018.