Tista’ tgħid kif ħassejtek fi żmien il-pandemija

Il-fondazzjoni Richmond nediet riċerka li fiha se tkun qed tanalizza s-saħħa mentali tal-poplu Malti matul il-pandemija tal-COVID-19.

Il-Fondazzjoni Richmond qalet li din il-pandemija ġabet magħha diversi restrizzjonijiet li ħallew impatt warajhom. Dawn ir-restrizzjonijiet ġabu magħhom diversi sfidi ta’ saħħa mentali fil-komunità. Huma appellaw l-importanza li persuna tosserva u tagħraf sew kif għandha tħares is-saħħa mentali tal-komunità fl-immedjat u bl-aktar mod effiċjenti u effettiv.

Permezz ta’ din ir-riċerka l-fondazzjoni se tkun qed tosserva l-istat psikoloġiku tal-Maltin u l-Għawdxin u x’kien l-impatt ta’ din il-pandemija fuq il-poplu.

Wieħed jista’ jagħfas hawn biex jieħu sehem f’din ir-riċerka.

Għal din ir-riċerka l-fondazzjoni ngħaqdet mal-kumpanija ewlenija tar-riċerka ‘Esprimi’ u ġew provduti fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan l-istħarriġ. Ir-riżultati kollha tal-istħarriġ ser ikunu ippublikati fuq is-sit tal-Fondazzjoni Richmond. Dan l-istħarriġ se jiġi repetut regolarment sal-bidu tal-2021.