​Tista’ tesperjenza l-arti viżiva permezz ta’ VIVA 2018

Għadha kif tnediet ir-raba' edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Arti Viżiva tal-Belt Valletta (VIVA).
Skont il-Ministeru għall-Kultura, VIVA 2018 se jiġi organizzat bejn l-14 t’April u s-27 ta’ Mejju, b’bosta avvenimenti u proġetti. Se jkun hemm numru ta’ esebizzjonijiet madwar il-Belt Valletta u ġewwa The Mill, f’Birkirkara. Intqal li l-VIVA jservi bħala pjattaforma għall-arti kontemporanja f’Malta b’konċentrazzjoni fuq l-arti viżiva kontemporanja.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-VIVA qed isservi ta’ pjattaforma għal artisti ġodda u għal dawk iżjed rinomati.
Fi kliem iċ-ċerpersin tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai, din hija sena kruċjali għal VIVA, hekk kif il-VIVA assigura postu bħala wieħed mill-festivals l-aktar stabbiliti.
VIVA 2018 se jospita għaxar proġetti, li jinkludu:

  • (Met)afourisms, li hi diskussjoni viżiva bejn artisti u filosfi, possibbli bis-sehem ta’ Niki Young
  • Fluid Space, b’Niki Petroni bħala l-kuratur u li tittratta d-dinamika fl-iżvilupp tal-pajsaġġi urbani u l-istrutturi soċjali Maltin
  • VAC – Visual Acoustics, li se tkun qiegħda tgħaqqad elementi viżivi u akustiċi permezz tax-xogħol ta’ għaxar artisti lokali u internazzjonali, b’Zsolt Gyenes bħala l-kuratur.

Din is-sena, il-VIVA 2018 qed jikkollabora mal-festival Ġermaniż tal-arti viżiva Ostrale sabiex iwassal l-esebizzjoni Found â mentalism, filwaqt li qed jikkollabora ma’ Valletta 18 u l-EU Japan Fest bl-għan li jipproduċi European Eyes on Japan, ikkurata minn Lisa Gwen Baldacchino.
Għal aktar informazzjoni, agħfas hawn.