Tista’ terġa’ tmur dirett il-Kajr mal-Air Malta

Mill-1 ta’ Settembru, il-linja nazzjonali tal-Air Malta bdiet it-titjiriet tagħha lejn il-Kajr fl-Eġittu wara nuqqas ta’ 12-il sena. Is-servizz se jibda jkun darbtejn fil-ġimgħa, il-Ħamis u l-Ħadd.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Clifford Chetcuti qal li din hija l-42 destinazzjoni u t-tielet fl-Afrika ta’ Fuq fuq in-network tal-Air Malta. Kompla li matul l-ewwel sena ta’ din ir-rotta qed jippjanaw li jkun hemm 25,000 passiġġier. Spjega li l-prezzijiet ta’ din ir-rotta jibdew minn €71/ EGP 1620 one way inkluż t-taxxi u t-tariffi.

Ic-Chairperson tal-Air Malta Dr Charles Mangion qal li fl-ewwel titjira kien hemm 300 passiġġier li 75% minnhom kienu se jaqbdu titjira oħra lejn destinazzjonijiet oħra. Il-Ministru tat-Turiżmu Dr Konrad Mizzi qal li din ir-rotta hija pass importanti fl-istrateġija Mediterranja tal-Air Malta. Żied li l-Air Malta qiegħda tinbidel fl-linja tal-ajru reġjonali li tappoġġja direttament l-iżvilupp ta’ Malta bħala ċentru ta’ kummerċ, negozju u vjaġġar.