Tista’ terġa’ tidħol il-viża għal vjaġġar minn pajjiżi terzi lejn l-UE

Pajjiżi mhux Ewropej, li bħalissa għandhom il-faċilità ta’ vjaġġi mingħajr viża lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun li ma jitħallewx jagħmlu dan f’ċerti ċirkostanzi.
Dan wara qbil fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili.
Il-Kumitat qabel li l-liġi preżenti tkun tinkludi fiha proċedura urġenti li permezz tagħha pajjiżi terzi, li ma jilħqux il-kriterji Ewropej, titneħħilhom din il-possibilità.
Dan ifisser li għadd ta’ Ewroparlamentari qablu li jkun hemm mekkaniżmu ta’ emerġenza li jintuża f’każijiet ta’ abbuż minn pajjiżi mhux Ewropej.
B’din il-miżura, stati membri tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jinfurmaw b’aktar faċilità lill-Kummissjoni Ewropea b’każijiet ta’ abbuż, biex tkun sospiża l-faċilità ta’ moviment fl-Ewropa mingħajr viża, għal ċittadini minn pajjiżi terzi.