Tista’ teħles mid-dijabete tat-tip 2 b’dieta speċjali

Bidla qawwija fid-dieta tista’ twassal biex persuna telimina d-dijabete tat-tip 2 billi “tixgħel mill-ġdid” iċ-ċellolli fil-frixa. Erba’ xhur fuq dieta radikali wasslet lil xi persuni bid-dijabete biex jgħaddu mingħajr mediċina u jerġgħu iniżżlu z-z-zokkor għal-livell normali. Iċ-ċelloli fil-frixa jipproduċu l-insulina. Dawn iċ-ċelloli, li jibdew ma jaħdmux tajjeb meta jkunu mdawrin bix-xaħam, xi drabi jirnexxielhom jirkupraw meta l-persuna titlef ammont sostanzjali ta’ piż.

Is-sejbiet ġodda jirriżultaw minn studju ta’ 298 persuna, immexxi mill-universitajiet ta’ Newscastle u Glasgow, li sabu li 46% ta’ dawk li għamlu d-dieta drastika, irnexxielhom jeħilsu mid-dijabete billi biddlu l-ikel bi frott magħsur u sopop, li jammontaw għal mhux aktar minn 800 kalorija kuljum. Ix-xjentisti sabu li din id-dieta drastika ma ħadmitx xorta waħda għal xi persuni għax iċ-ċelloli fil-frixa tagħhom kienu waslu f’punt fejn ma setgħux imorru lura mill-istat li kienu fih. Kienu tant stressjati bix-xaħam li kien hemm idawwarhom, li ma setgħux jitreġġgħu lura.

F’dan l-esperiment ta’ dieta drastika għal 16 il-ġimgħa, dawk li ħadu sehem tilfu madwar 15% tal-piż tagħhom. Ir-riżultati tal-esperiment ġew ippublikati fir-rivista Cell Metabolism.
Il-kap tar-riċerka, Dr Elizabeth Robertson qalet li dan jikkonferma t-teorija li fattur ewlieni biex persuna tegħleb id-dijabete hija bidla drastika fid-dieta biex jitnaqqas ix-xaħam intern fil-frixa.