Tista’ tapplika minn issa għal-lezzjonijiet b’xejn għar-resits tal-O’levels

Fetħu l-applikazzjonijiet għal lezzjonijiet ta’ reviżjoni tas-SEC għal dawk li m’għaddewx mill-eżamijiet fil-livell Ordinarju tal-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika. Il-lezzjonijiet se jingħataw b’xejn f’Malta u Għawdex lil dawk li ġabu 6, 7 jew U, jew m’għamlux l-eżami f’dawn is-suġġetti.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li l-lezzjonijiet se jsiru bejn it-28 ta’ Lulju u t-30 ta’ Awwissu biex l-istudenti jkunu preparati għar-resits ta’ Settembru.
Dawk kollha li se japplikaw iridu jattendu għal-lezzjonijiet kollha. L-istudenti jistgħu jagħmlu resit sa massimu ta’ tliet suġġetti minn dawn l-erbgħa.
Wieħed għandu japplika fuq www.education.gov.mt sa nhar l-Erbgħa li ġej.
Dawk li se japplikaw għal-lezzjonijiet, iridu japplikaw għar-resits b’mod separat.