Tista’ ssuq fir-Renju Unit wara Brexit

Jekk għandek liċenzja valida mill-Unjoni Ewropea għandek tkun tista’ ssuq fir-Renju Unit bla problemi ta’ xejn, anke wara Brexit.

Hekk kif id-29 ta’ Marzu 2019, id-data li fiha r-Renju Unit mistenni joħroġ mill-Unjoni Ewropea, dejjem qed joqrob bosta jistaqsu kif se jinbidlu l-affarijiet li kienu draw jagħmlu fil-passat.

Minn Malta hemm min jitla’ vaganza fir-Renju Unit u jkun jixtieq isuq hu. Hemm ukoll min jixtri xi karozza minn hemm u jsuq biha sa Malta. Dan se jkun possibbli wara Brexit?

Kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li bosta pajjiżi għandhom regoli differenti dwar il-liċenzji tas-sewqan ta’ persuni ġejjin minn barra l-pajjiż. Żied jgħid li l-pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra fuq ir-Regoli tat-Traffiku “ġeneralment” jaċċettaw liċenzja Maltija mingħajr il-bżonn ta’ liċenzja internazzjonali.

Ir-Renju Unit iffirma din il-Konvenzjoni? X’qal il-Gvern tagħhom?

Ir-Renju Unit iffirma kemm il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1949 dwar it-Traffiku fit-Toroq u anke il-Konvenzjoni ta’ Vienna tal-1968 dwar it-Traffiku fit-Toroq.

Fi stqarrija, il-Gvern tar-Renju Unit qal li l-arranġamenti għal dawk il-persuni li għandhom liċenzja tas-sewqan tal-UE li jkunu qed iżuru jew jgħixu fir-Renju Unit wara Brexit mhux se jinbidlu. Dawk li għandhom liċenzja tal-UE jistgħu jsuqu sakemm tiskadi l-liċenzja, jew sakemm jagħlqu s-70 sena, jew inkella sa tliet snin minn wara li jkunu bdew jgħixu fir-Renju Unit.

Għal dawk il-persuni mir-Renju Unit li jkunu se jsuqu fl-UE wara Brexit, jista’ jkun li l-liċenzja tagħhom ma tibqax valida sakemm ma jintlaħaqx xi qbil. Jista’ jkun li dawn il-persuni jkollhom bżonn Liċenzja tas-Sewqan Internazzjonali (IDP).