“Tista’ ssir ġustizzja bla ma taħraq pajjiż u poplu sħiħ” – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo reġa’ rħielha għal Facebook kmieni dalgħodu fejn din id-darba qal li hemm mod kif tista’ ssir ġustizzja mingħajr ma “taħraq pajjiż u poplu sħiħ”.

Dan kien messaġġ wieħed minn sensiela ta’ messaġġi li l-Ministru qed jippubblika fuq Facebook dwar is-sitwazzjoni kurrenti. Fl-aħħar jiem hu kien saħansitra talab għat-tneħħija ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Din id-darba, hu sostna li bħalissa fil-pajjiż qed taqbad ħuġġieġa. Qal li wieħed għandu għażla x’jagħmel, jew ikompli jitfagħlha l-ħatab jew inkella jitfagħlha l-ilma. Insista li tista’ ssir ġustizzja bla biża’ jew favuri u bla ma l-pajjiż jispiċċa rmied.

Facebook dalgħodu qam għal serje ta’ messaġġi differenti minn persuni esponenti tal-Gvern. Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli sostniet li l-politika kurrenti mhix il-politika li ħalfet għaliha meta bieset is-salib sentejn u nofs ilu.

Intant, wieħed mill-akbar kritiċi tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, l-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando, irringrazzja lill-ġurnalista talli kixfet “l-għanqbuta tal-korruzzjoni.”

L-aħħar żviluppi wasslu biex ġew interrogati mill-Pulizija fost l-oħrajn il-Ministru Chris Cardona u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech ġie arrestat fl-20 ta’ Novembru. It-Tlieta 26 ta’ Novembru, Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi rriżenja minn Ministru, filwaqt li Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu.

Aqra: L-itwal jum fil-politika fi 17-il punt