Tista’ ma tmurx il-baħar!

Jekk sejjer il-baħar biex tiffriska xi ftit u tipprova tiżgiċċa lil-Luċifru, tista’ tibqa’ fejn int u ma tmur xejn.
Ir-radjazzjoni tax-xemx u t-temperaturi għolja affettwaw it-temperaturi tal-baħar tant li f'xi postijiet laħqet id- 29 grad u fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn, is-Sibt filgħaxija, telgħet sa 30.1 
Intant sa nhar il-Ħamis it-temperatura se tibqa’ għolja, u tista’ tinħass sa 44 grad Celsius
Il-Physical Oceanography Research Group fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fi ħdan l-Università ta’ Malta qed jinnota kif it-temperatura tal-baħar qed tilħaq l-ogħla livelli tagħha tard waranofsinhar meta l-wiċċ tal-baħar ikun assorba r-radjazzjoni tax-xemx ta’ filgħodu.
Skont l-immaġini mis-satelliti, it-temperatura tal-baħar qed tinżel b’2 gradi biss tard filgħaxija u mal-lejl.
Skont il-Grupp ta’ riċerka, l-aktar baħar sħun ikun dak l-inqas fond, fosthom il-bajjiet u l-portijiet. 
L-istqarrija tispjega wkoll li mis-sebgħinijiet ‘il hawn, skont it-temperaturi medja tal-baħar, irreġistrata f’Delimara mill-Uffiċċju Meteoloġiku ta’ Malta,  it-temperatura tal-baħar baqgħet tiżdied b’medja ta’ 0.05 grad Celsius kull sena.
It-temperaturi tal-baħar ikunu l-aktar għolja fil-bidu ta’ Awwissu imma dawk ta’ din is-sena kienu żewġ gradi aktar mill-medja tal-aħħar snin.
 
Ritratt: Ian Noel Pace