Tissolva l-kriżi tar-riżultati tal-A-levels fl-Ingilterra

L-istudenti li għamlu l-A-levels u l-O-levels fl-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq se jingħataw marka tal-eżami mill-għalliema tagħhom, minflok algorithm kontroversjali.

Is-Segretarju għall-Edukazzjoni Ingliż Gavin Williamson skuża ruħu għall-inkonvenjenza li ħolqot din l-algorithm lil eluf ta’ studenti wara li baxxitilhom il-marka.

Hekk kif l-eżamijiet fl-Ingilterra ma sarux minħabba l-COVID-19, l-għalliema tal-istudenti tal-A-levels u O-levels intalbu jdaħħlu l-marki li l-istudenti ġabu matul is-sena f’sistema, u l-programm f’din is-sistema kellu juża algorithm biex joħroġ marka lill-istudenti għal kull suġġett abbażi tal-marki li ġabu matul is-sena. Madanakollu din ħolqot kontroversja kbira hekk kif kważi 300,000 elf student tnaqqsitilhom il-marka.

Il-Gvern Ingliż kien jinsab taħt pressjoni kbira fl-aħħar ġimgħa u nofs biex jirranġa s-sistema u jidher li wara ħafna pressjoni aċċetta li l-marki ta’ dawn l-istudenti jiġu mogħtija mill-għalliema tagħhom, li segwew xogħolhom mill-viċin fl-aħħar sena, minflok minn algorithm.