L-Ispettur Arnaud jippreżenta l-istqarrijiet ta’ Keith Schembri lill-Qorti

Read in English.

Illum issoktat il-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-Ispettur Keith Arnaud ippreżenta l-istqarrijiet ta’ Keith Schembri, Dr Adrian Vella u Johann Cremona lill-Qorti. Huwa stqarr li qegħdin jiġu investigati affarijiet li ttieħdu mingħand Keith Schembri, Logan Wood u Edwin Brincat il-Ġojja.

Imbagħad kompla l-kontro-eżami tal-Ispettur Arnaud fil-magħluq.

Aqra xi ntqal fil-qorti minuta b’minuta…

13:23 Saħħiet, u l-kumplament tal-jum it-tajjeb!
Sephora Francalanza
13:23 Grazzi talli segwejtu dan il-blogg.
Sephora Francalanza
13:23 Is-seduta li jmiss se ssir fil-21 t'Ottubru fl-10am.
Sephora Francalanza
13:23 Is-seduta tal-lum intemmet.
Sephora Francalanza
11:46 Infakkrukom li bħalissa, ġo awla 2, qed isir il-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
11:46 Għadna qegħdin nistennew barra l-awla.
Sephora Francalanza
11:22 Jidher li waslu anke l-kumplament tal-istqarrijiet li qed tippreżenta l-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
11:21 Sakemm ninsabu fil-kuritur nistennew li s-seduta tkompli, jidher li waslu d-dokumenti li se jippreżenta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
11:00 Il-ġurnalisti u n-nies mill-pubbliku preżenti fl-awla ntalbu joħorġu.
Sephora Francalanza
11:00 Il-Maġistrat Montebello tgħid li jekk se jerġgħu jissemmew l-ismijiet li ssemmew il-ġimgħa li għaddiet, ix-xhieda trid tingħata fil-magħluq.
Sephora Francalanza
10:59 Arnaud jgħid li jista' jkompli jixhed.
Sephora Francalanza
10:58 Id-Difiża tistaqsi tistax tkompli bil-kontro-eżami tal-Ispettur Arnaud.
Sephora Francalanza
10:54 Il-Maġistrat taċċetta din it-talba.
Sephora Francalanza
10:54 L-Ispettur jgħid li jista' jikkuntattja lill-kollega tiegħu biex iġib l-istqarrijiet fi ftit minuti peress li hu nesa jġibhom miegħu llum.
Sephora Francalanza
10:53 Skont id-Difiża, huwa inaċċettabbli li erba' stqarrijiet ta' erba' individwi ma ġewx preżentati meta l-Ispettur Arnaud kien jaf li kellu jippreżentahom illum.
Sephora Francalanza
10:53 Fis-seduta li jmiss se jiġu ppreżentati l-istqarrijiet ta':

Edwin Brincat
Melvin Theuma
Kenneth Camilleri
Logan Wood
Sephora Francalanza
10:52 L-Ispettur jippreżenta dan il-materjal:

Johann Cremona: 6 DVDs b'6 stqarrijiet
Dr Adrian Vella: 4 DVDs bi 3 stqarrijiet
Keith Schembri: 3 DVDs bi 3 stqarrijiet
Sephora Francalanza
10:46 Arnaud jitla' fuq il-pedana tax-xhieda biex jippreżenta dawn l-istqarrijiet.
Sephora Francalanza
10:44 L-Ispettur talab li jippreżentahom aktar tard. Il-Maġistrat Montebello qaltlu li l-Qorti kienet qed tistenna li jippreżentahom illum.

It-tim tad-Difiża jitlob kopja ta' dawn l-istqarrijiet.
Sephora Francalanza
10:43 L-Ispettur Arnaud informa lill-Qorti li qed jippreżenta l-istqarrijiet ta' dawk li diġà xehdu fil-qorti imma ma ġewx preżentati l-istqarrijiet tagħhom: ta' Melvin Theuma u Logan Wood.
Sephora Francalanza
10:40 Arnaud ikkonferma li anke meta l-pulizija marru fid-dar ta' Keith Schembri fil-Mellieħa, espert forensiku appuntat mill-Maġistrat ħa xi affarijiet relevanti għall-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
10:37 L-Ispettur Arnaud qal li l-irċevuti mhumiex disponibbli għaliex l-oġġetti qegħdin għand l-esperti, mhux għand l-investigaturi.
Sephora Francalanza
10:35 Il-Maġistrat twissi lil Dr Mercieca biex jieqaf juża l-Qorti biex jagħmel xi stqarrijiet bl-iskop li dawn jiġu rrappurtati mill-midja.
Sephora Francalanza
10:35 Il-Maġistrat Montebello tgħid li l-irċevuti jinsabu għand l-investigaturi u hemm inkjesta maġisterjali għaddejja.
Sephora Francalanza
10:34 L-Avukat tad-Difiża Charles Mercieca jistagħġeb b'kif il-Prosekuzzjoni m'għandhiex dawn l-irċevuti f'idejha.
Sephora Francalanza
10:29 Iżid jgħid li affarijiet li nġabru mingħand Logan Wood, Edwin Brincat u Keith Schembri qed jiġu investigati u allura l-irċevuti huma parti mill-inkjesta li għaddejja.
Sephora Francalanza
10:29 Isemmi lil Johann Cremona, Lawrence Cutajar, Dr Adrian Vella u Kenneth Camilleri.
Sephora Francalanza
10:28 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li l-Pulizija ma ġabritx affarijiet mingħand l-individwi kollha li kienu jew għadhom qed jiġu investigati, allura m'għandhiex irċevuti x'tippreżenta.
Sephora Francalanza
10:25 Dr Galea Farrugia jgħid li mhux ċert waslux peress li hemm żewġ box files u żewġ kaxxi kbar.
Sephora Francalanza
10:24 Id-Deputat Avukat Ġenerali Dr Philip Galea Farrugia informa lill-Qorti li dalgħodu, l-Uffiċċju tal-AĠ iffirma għadd ta' dokumenti biex jiġu ppreżentati fil-Qorti llum.
Sephora Francalanza
10:20 Il-Maġistrat issemmi kif nhar il-Ġimgħa, il-Qorti ċaħdet it-talba ta' Fenech għal informazzjoni mill-mowbajl ta' 13-il persuna. Il-Qorti qieset din it-talba inġusta u sproporzjonata.
Sephora Francalanza
10:16 Fl-awla hawn madwar 30 persuna.
Sephora Francalanza
10:15 Il-Maġistrat qalet li l-Qorti ilha li ġiet infurmata biex talloka awla ikbar. Sejħet il-fatt li llum ġiet allokata din l-awla inaċċettabbli peress li d-distanza soċjali ma tistax tiġi osservata.
Sephora Francalanza
10:12 Għadha kemm daħlet fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello.
Sephora Francalanza
10:11 Xi membri tal-familja ta' Fenech qegħdin bilqiegħda warajh u qed jgħidu kelmtejn miegħu.
Sephora Francalanza
10:08 Fl-awla hawn ukoll ħames uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Sephora Francalanza
10:06 L-akkużat għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
10:05 Din l-awla hija relattivament żgħira u mhux il-ġurnalisti kollha sabu fejn ipoġġu.
Sephora Francalanza
10:04 Id-Difiża u l-Prosekuzzjoni jinsabu preżenti fl-awla. Hawn ukoll Dr Jason Azzopardi li qed jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:00 Ninsabu f'awla 2.
Sephora Francalanza
10:00 Bonġu, nilqgħukom għal blogg ieħor live mill-qorti.
Sephora Francalanza

F’digriet tal-Maġistrat Rachel Montebello erbat ijiem ilu, hija ċaħdet it-talba tad-Difiża ta’ Fenech għall-post fejn kienu l-mowbajls u l-informazzjoni tat-telefonati ta’ 13-il individwu.

Jum qabel, id-Difiża argumentat li:

  • Kulħadd qed iwaħħal il-qtil fuq Yorgen Fenech waħdu, meta dawk li huma l-assassini vera jinsabu barra u qed ikunu protetti
  • Għaliex l-AĠ issospendiet ix-xhieda ta’ Keith Schembri, meta Schembri xhud kruċjali fil-każ?
  • Yorgen għandu rekordings li jista’ jippreżenta bħala evidenza u li jikkontradixxu dawk li diġà nstemgħu fil-Qorti
  • Jekk il-Qorti trid li Yorgen iqatta’ l-bqija ta’ ħajtu fil-ħabs minħabba deċiżjoni fuq xhieda falza, mela s-smigħ mhux ġust
  • Jitlob lill-AĠ jippreżenta fil-Qorti r-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u jistaqsi meta kienet konkluża l-inkjesta.