Qtil Ħal Far: Il-vittma tal-hit and run kellu gundalla f’rasu u ksur fi spalltu

Read in English.

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra ż-żewġ żgħażagħ akkużati li qatlu lil Lassana Cisse f’April tal-2019, delitt li qed jitqies ġej mir-razziżmu.

Fis-seduta tal-lum xehed tabib li assista lil immigrant ta’ 17-il sena li safa vittma ta’ hit and run fi Frar tal-2019, u ddeskriva l-feriti li kellu ż-żagħżugħ. Iż-żewġ eks suldati huma akkużati wkoll b’dan il-hit and run.

Lassana Cisse Souleymane, li kellu 42 sena, inqatel fis-6 ta’ April tal-2019 meta kien miexi lejn iċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Żewġ persuni li dak iż-żmien kienu fil-Forzi Armati ta’ Malta qed jitressqu akkużati bil-qtil tiegħu.

Lorin Scicluna, ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena qed ikunu akkużati wkoll b’attentat qtil wara li allegatament sparaw fuq żewġ irġiel oħra ta’ karnaġġjon skur fl-istess triq. Iż-żewġt irġiel l-oħra salvaw.

Mill-qorti minuta b’minuta…

10:42 Grazzi talli segwejtuna.
Sephora Francalanza
10:41 Il-kawża ġiet diferita għat-30 t'Ottubru fid-9am.
Sephora Francalanza
10:36 Huwa jippreżenta rapport li għamel fuq il-karozza.
Sephora Francalanza
10:36 L-espert tal-Qorti kellu jispezzjona karozza Volkswagen biex jara l-kundizzjoni tagħha.
Sephora Francalanza
10:35 Jixhed issa Natalino Agius, li diġà xehed f'dal-każ fid-9 ta' Diċembru tal-2019. Huwa espert tal-Qorti.
Sephora Francalanza
10:35 Jispjega li d-dokument li ppreżenta fil-qorti jinkludi dettalji fuq x'antibijotiċi ngħata l-pazjent u x'kellu jagħmel biex jittratta l-feriti li kellu.
Sephora Francalanza
10:34 It-tabib jgħid li l-vittma kien intbagħat l-isptar għax kien f'kundizzjoni stabbli.
Sephora Francalanza
10:31 Infakkrukom li ż-żewġ żgħażagħ akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleymane huma akkużati wkoll b'hit and run ta' immigrant ieħor fit-2 ta' Frar tal-2019.
Sephora Francalanza
10:31 Iż-żagħżugħ ta' 17-il sena kellu gundalla fin-naħa tax-xellug ta' rasu, qsim fil-ġilda, u ksur fl-ispalla tax-xellug.
Sephora Francalanza
10:26 Id-dokumenti huma marbutin mar-rilaxx mill-isptar ta' immigrant li ttajjar minn karozza fit-2 ta' Frar tal-2019. Huwa ntbagħat id-dar mill-isptar fil-5 ta' Frar 2019.
Sephora Francalanza
10:23 It-tabib jippreżenta faxxiklu ta' dokument li jikkonsisti fi 3 dokumenti li se jibqgħu fl-atti tal-Qorti.
Sephora Francalanza
10:23 L-ewwel xhud illum huwa Dr Saverio Francesco Bianco, li huwa tabib.
Sephora Francalanza
10:22 L-espert Dr Daniel Vella talab aktar żmien għax għadu ma kkumpilax ir-rapport kollu.
Sephora Francalanza
10:21 L-Ispettur jgħid li xhud minnhom ma setax jattendi llum.
Sephora Francalanza
10:20 Il-Maġistrat u l-Ispettur jikkonfermaw li s-seduti tat-30 t'Ottubru u tas-6 ta' Novembru se jinżammu.
Sephora Francalanza
10:06 L-emendi li kellhom isiru kienu dwar il-pulizija li xehdu, peress li kien hemm xi żbalji fit-traskrizzjonijiet tal-Qorti.
Sephora Francalanza
10:02 Sadattant, l-akkużati qegħdin bilqiegħda, iħarsu fil-vojt. Lorin Scicluna għandu rasu baxxuta.
Sephora Francalanza
10:01 Il-Maġistrat qed jiddiskuti xi emendi li kellhom isiru f'xi dokumenti tal-Qorti, filwaqt li l-Ispettur Arnaud qed jitkellem mal-Avukat Giglio.
Sephora Francalanza
09:57 Jidħol fl-awla l-Avukat Joe Giglio li qed jirrappreżenta lill-vittma.
Sephora Francalanza
09:56 Il-Maġistrat jiddiskuti r-rinviju mal-Ispettur Keith Arnaud. L-Ispettur jgħid li dan jirrifletti l-istadju li wasal fih il-każ.
Sephora Francalanza
09:52 L-akkużati Lorin Scicluna u Francesco Fenech daħlu fl-awla u poġġew fuq iż-żewġ naħat tal-bank ta' quddiem.
Sephora Francalanza
09:52 Il-Maġistrat Ian Farrugia jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:43 Għadu kemm daħal fl-awla l-Ispettur Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
09:39 Barra l-awla lmaħna lil Lorin Scicluna, wieħed miż-żewġ eks suldati akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse.
Sephora Francalanza
09:38 Is-seduta għadha ma bdietx.
Sephora Francalanza
09:38 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 8.
Sephora Francalanza

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li fl-aħħar seduta lmenta li qed jieħu wisq fit-tul.

L-avukati Franco Debono, Kris Busietta u Amadeus Cachia huma l-avukati tad-difiża ta’ Lorin Scicluna. L-avukati Gianella DeMarco u Stephen Tonna Lowell qed jiddefendu lil Francesco Fenech.