Filmat: Sena ilu rriżenja; illum żamm ħalqu magħluq, imma qal li ma ħax kickbacks

Read in English.

Dalgħodu kompliet l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena li tinqatel il-ġurnalista, u biex tiskrutinja l-aġir tal-Istat wara l-qtil.

Illum xehed l-eks Ministru Konrad Mizzi, li lbieraħ ikkritika l-iskop tal-inkjesta u l-fatt li żewġ membri tal-Partit Nazzjonalista għandhom irwol ċentrali fiha. Kien qed jirreferi għall-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li qed jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia. Qal li ma jagħmilx sens li jixhed fl-inkjesta meta din ġiet politiċizzata.

Il-Bord ċaħad ir-rikors tiegħu li jiġi eżentat milli jixhed u ordnah jidher quddiemu dalgħodu.

Xehed ukoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri, li rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu din il-ġimgħa wara li xahar ilu ġie żvelat li siefer ma’ Yorgen Fenech fl-2018. Yorgen Fenech hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Konrad Mizzi?

  • Mizzi wieġeb “Nagħżel li ma nwiġibx” għall-maġġoranza tal-mistoqsijiet li sarulu mill-Bord, fosthom dwar il-Panama Papers, dwar 17 Black, dwar il-kitchen cabinet u r-relazzjoni tiegħu ma’ Joseph Muscat u Keith Schembri, kif ukoll dwar Electrogas u l-laqgħat tiegħu ma’ Yorgen Fenech
  • Qal li ma jistax iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet minħabba inkjesti oħra li għaddejjin dwaru; l-avukati tiegħu qalu li hemm 3 pendenti
  • Jinsab bil-police bail; Mizzi ma kienx jaf jgħid huwiex bil-bail jew le, imma l-avukati tiegħu kkonfermaw
  • Qal li ma kellu l-ebda involviment fil-Memorandum of Understanding tal-għoti ta’ 3 sptarijiet lil Vitals Global Healthcare
  • “Avolja kienet tikkritikani, xorta ddispjaċieni ħafna li Daphne mietet”
  • Mizzi qal li qatt ma rċieva kickbacks mill-ħidma tal-Gvern.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Joseph Cuschieri?

  • L-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-2014 meta kien imexxi l-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA); għall-bidu kellhom relazzjoni professjonali u mbagħad saru ħbieb
  • Fuq is-safra Las Vegas: “Ma kellix idea” li Yorgen Fenech kien persuna ta’ interess għall-Pulizija
  • Ma jafx x’kien l-irwol ta’ Charlene Bianco Farrugia, is-segretarja ta’ Keith Schembri, f’dan il-vjaġġ għaliex mhijiex intiża tal-gaming
  • Stqarr li meta ħarġet l-aħbar tal-vjaġġ ix-xahar li għadda, inħoloq stress kbir fuqu u anke fuq familtu; irrifletta u għażel li jirriżenja anke sabiex l-MFSA ma tibqax fil-mira tal-attenzjoni negattiva
  • Saħaq li hu ma jafx x’inhuma l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni interna li saret fuqu; irriżenja irrispettivament minn dan
  • Ċaħad li kellu konverżazzjoni fuq WhatsApp ma’ Yorgen Fenech u Joseph Muscat.

Mill-qorti minuta minuta…

13:00 Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
13:00 Grazzi talli segwejtuna! Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin fl-artiklu.
Sephora Francalanza
12:58 L-inkjesta se tkompli nhar it-Tnejn fis-1pm.
Sephora Francalanza
12:57 Ix-xhieda ta' Cuschieri tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:56 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino kien qed jistaqsi lix-xhud kif baqa' jirrelata ma' nies li setgħu kienu involuti fl-assassinju.

L-Avukat Lia jgħolli leħnu u jibda joġġezzjona, jgħid, "Għaliex għandu jispjega ta' ħaddieħor, biex ikollhom il-midja xi jġibu? Hu ma kien involut f'xejn."
Sephora Francalanza
12:55 Daħal fl-awla l-Avukat Pawlu Lia, magħruf li hu l-avukat tal-eks PM Joseph Muscat. Jitkellem mal-Avukat Charlon Gouder.
Sephora Francalanza
12:55 Kellhom investigazzjoni Ewropea dwar jekk Malta kisritx il-liġi meta lliċenzjat il-bank. "Mhux lakemm taqbad tieħu l-liċenzja ta' bank," jgħid Cuschieri, għaliex hemm ħafna affarijiet tekniċi u kumplessi.
Sephora Francalanza
12:53 Cuschieri jikkonferma li l-assassinju kkawża ħafna ħsara wkoll fis-settur finanzjarju.

Jerġa' jsemmi l-każ ta' Pilatus Bank, itenni li dan "tefagħna fl-ispotlight."
Sephora Francalanza
12:52 "Irnexxielna nbiddlu l-image ta' awtorità rieqda, mhux effettiva għal waħda li qiegħda hemmhekk, għandha s-snien, tigdem fejn għandha tigdem. Dak il-feedback kien qiegħed jasal."
Sephora Francalanza
12:50 Dr Gouder jistaqsi lix-xhud x'kuntatt kellu mal-istakeholders barranin.

Cuschieri jgħid li bena relazzjonijiet tajbin mal-Bank Ċentrali Ewropew, u xi regolaturi Ewropej oħrajn.
Sephora Francalanza
12:48 L-Avukat Charlon Gouder jistaqsi lix-xhud jekk meta kien CEO tal-MFSA, qatt sabx lil xi ħadd jopponilu.

"Lanqas xejn," jgħid ix-xhud. "Ħassejtni fully empowered biex nagħmel dak li hemm bżonn isir."
Sephora Francalanza
12:48 Il-Bord jgħid li ġie rappurtat lilhom li hemm konverżazzjoni fuq WhatsApp bejn Cuschieri, Joseph Muscat u Yorgen Fenech.

Cuschieri jiċħad. "No, no, no."
Sephora Francalanza
12:47 Cuschieri jgħid li jaħseb li mar ir-razzett ta' Fenech f'Ħaż-Żebbuġ xi darbtejn. Ma kienx hemm politiċi preżenti, kien hemm biss xi ħbieb komuni.
Sephora Francalanza
12:47 Ix-xhud jikkonferma li rriżenja minn jeddu u mhux għax talbu l-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
12:46 Dr Azzopardi jistaqsi lix-xhud kif il-Panama Papers affettwat lis-servizzi finanzjarji.

Ix-xhud jgħid li Malta ntefgħet fl-ispotlight.
Sephora Francalanza
12:46 Fl-2018 ir-rapport tal-Moneyval kien kruċjali, jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
12:45 Ix-xhud jispjega li jkun hemm diversi rapporti Ewropej – fil-passat kien hemm rapporti li jgħidu li l-awtorità m'għandhiex biżżejjed rapporti biex taħdem, eċċ., jgħid Cuschieri.
Sephora Francalanza
12:43 Jistaqsi, "Qabel April tal-2016, qatt kien hemm perjodu fejn Malta kienet in the eye of the storm b'daqstant rapporti kif kien hemm fil-perjodu li sejjaħt atroċi?"
Sephora Francalanza
12:43 Imiss lil Dr Jason Azzopardi li jistaqsi xi mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
12:42 Ix-xhud jgħid li r-relazzjoni żviluppat minn waħda professjonali għal ħbiberija.
Sephora Francalanza
12:41 Tistaqsih dwar kif kienu jiffrekwentaw lil xulxin hu u Fenech.

Jgħid li kien jiltaqa' mar-regolaturi b'mod regolari, mhux ma' Fenech biss.
Sephora Francalanza
12:41 Dwar Charlene Bianco Farrugia jgħid li, "Il-vjaġġ kien organizzat mis-Sur Fenech. Ħa ħsieb hu."
Sephora Francalanza
12:40 Jikkonferma li Dr Licari kienet il-mistiedna ta' Yorgen Fenech, mhux tiegħu, f'dan il-vjaġġ.
Sephora Francalanza
12:39 Jispjega li fis-sajf tal-2018, Dr Licari rriżenjat mill-MGA, ħadet break ta' ftit xhur.

Fl-MFSA kellhom sejħa għal applikazzjonijiet għal konsulent legali u hu ħeġġiġha biex tikkunsidra tapplika. Konkorrenza ma kellhomx ħafna, jgħid ix-xhud, u mbagħad għamlulha intervista u ntgħażlet hi għall-kariga.
Sephora Francalanza
12:38 Dr Comodini Cachia tistaqsih dwar Dr Edwina Licari.

Jgħid li dak iż-żmien kienet taħdem il-Malta Gaming Authority. Jgħid li ltaqa' magħha meta daħal mal-MGA fl-2013.
Sephora Francalanza
12:37 Ix-xhud jgħid li dak iż-żmien ma kienx konxju li Yorgen Fenech kien sid il-kumpanija 17 Black.
Sephora Francalanza
12:35 L-avukata tistaqsih dwar il-kunflitt ta' interess peress li siefer ma' Yorgen Fenech.

Cuschieri jwieġeb li dak iż-żmien kien wasal għall-konklużjoni li li jmur ma' Yorgen Fenech Las Vegas mhi se twasslu fl-ebda inkwiet. "Jekk kienx żball jew le, wieħed irid janalizzah aktar fid-dettall."

Mistoqsi jekk issa jaħsibx li kien żball, hu jwieġeb li kieku kellu d-don li jħares fil-futur, kien jgħid iva.
Sephora Francalanza
12:33 Dr Comodini Cachia tistaqsi peress li kienu daqshekk viċin ta' xulxin il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u r-riżenja tiegħu, jekk jaħlifx li ma kienx jaf x'kienu l-konklużjonijiet.

Cuschieri jaħlef li għadu ma jafx sal-lum x'kienu l-konklużjonijiet.
Sephora Francalanza
12:32 Dr Gouder jinsisti li ma kien hemm l-ebda konklużjonijiet ippubblikati.
Sephora Francalanza
12:32 Tgħidlu, "Allura l-konklużjoni ppubblikata…"

Iqum l-Avukat Charlon Gouder u jakkuża lil Dr Comodini Cachia li qed tiżgwida lix-xhud u mhix tkun preċiża fil-mistoqsija tagħha.
Sephora Francalanza
12:31 Dr Therese Comodini Cachia tibda tistaqsi.
Sephora Francalanza
12:31 Cuschieri jgħid li l-investigazzjoni interna fl-MFSA ġiet konkluża, imma hu rreżenja minn jeddu, irrispettivament mill-konklużjonijiet.
Sephora Francalanza
12:31 Stqarr li spiċċa b'ħafna ħin id-dar, u rrifletta ħafna. Fehem kif l-attenzjoni li dal-każ xeħet fuqu kien qed jiġi trażmess fuq l-MFSA. Qal li dal-każ donnu wittielu t-triq biex imur lura għas-settur privat.

Ma riedx li jkun hemm ħafna attenzjoni tal-midja li tista' tagħmel ħsara lill-MFSA.
Sephora Francalanza
12:31 Jgħid li dal-każ ħoloqlu ħafna stress – lilu, lill-familja, lill-ġenituri tiegħu, lil ħbiebu.
Sephora Francalanza
12:29 Il-Bord jistaqsi lix-xhud għaliex issospenda ruħu meta ħarġet l-aħbar tal-vjaġġ tiegħu ma' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:28 Cuschieri jgħid li jidhirlu li l-MFSA ma kinitx involuta fil-Panama Papers. Meta laħaq Kap Eżekuttiv hu, tal-Pilatus Bank "kienet għadha friska."
Sephora Francalanza
12:26 Ix-xhud jgħid li fl-2018, saret bidla fil-liġi biex l-Awtorità jkollha Kap Eżekuttiv.
Sephora Francalanza
12:26 "Daħħalna ċerta dixxiplina b'kuntrast mal-laxkezza li kien hemm qabel."
Sephora Francalanza
12:25 Jgħid li l-MFSA għandha koperazzjoni tajba ħafna mal-FIAU. Ġieli jkollhom spezzjonijiet ta' sorpriża, mingħajr ma l-kumpaniji jkunu infurmati.
Sephora Francalanza
12:23 Flimkien mal-FIAU għamlu memorandum of understanding li jagħmlu programm biex jiggruppaw lill-istituzzjonijiet ta' riskju għoli.
Sephora Francalanza
12:23 "Ottubru u Novembru kienu atroċi," jgħid ix-xhud b'referenza għall-Financial Stability Assessment Programme u Moneyval dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
12:22 Meta daħal hu kienet għadha kif ittieħdet l-azzjoni fuq il-Pilatus Bank. Dik is-sena kienet ittieħdet azzjoni wkoll fuq Satabank.
Sephora Francalanza
12:20 Cuschieri jgħid li l-MFSA mhix regolatur tal-kumpaniji; għandha kompetenza fil-kondotta u r-regolazzjoni tal-kredenzjali.

Il-ħasil tal-flus huwa f'idejn l-FIAU.
Sephora Francalanza
12:18 Jgħid li ma jafx eżatt x'kien l-irwol ta' Charlene Bianco f'dan il-vjaġġ. "Hi mhix esperta f'dak is-settur."

Dr Licari kienet ilha 10 snin l-MGA, u setgħet tagħti input tekniku mil-lat legali, jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
12:18 Damu tlett ijiem Las Vegas.
Sephora Francalanza
12:18 Jgħid li Las Vegas marru hu, Fenech, Edwina Licari u Charlene Bianco. Dwar Bianco jgħid li jidhirlu li kellha rwol amministrattiv ma' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
12:17 Mistoqsi mill-Bord, jgħid li wara l-vjaġġ Las Vegas, ma baqax konsulent għal Yorgen Fenech. Kien impenjat ħafna bl-MFSA.
Sephora Francalanza
12:17 Fl-2008 iltaqa' ma' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
12:17 Iltaqa' ma' Joseph Muscat meta sar MEP, dak iż-żmien kien eżekuttiv ma' operatur tat-telefonija ċellulari lokali. Muscat kien qed jaħdem fuq id-direttiva tar-roaming, u kienu jiltaqgħu ta' spiss, "u bqajna ħbieb."
Sephora Francalanza
12:16 "Ma kellix idea," iwieġeb ix-xhud meta mistoqsi kienx jaf li Fenech kien persuna ta' interess għall-Pulizija.
Sephora Francalanza
12:16 "Ma ħassejtx li kelli kunflitt ta' interess għax Tumas Group m'għandhomx interessi fis-settur finanzjarju."
Sephora Francalanza
12:16 "Biex operatur Amerikan jirfes ġo pajjiżna jrid jara li hemm sistema regolatorja serja, robusta u li ma tpoġġihomx f'riskju." Jgħid li Fenech riedu jattendi miegħu biex jispjega lill-operatur barrani l-ekosistema tal-gaming f'Malta.
Sephora Francalanza
12:13 Cuschieri jgħid li telaq mill-MGA f'April tal-2018, u kien avviċinah Yorgen Fenech għax ried jagħmel xi avvanzi fil-każinos. Qallu li għandu laqgħa ma' operatur kbir f'Las Vegas, u talbu jattendi miegħu bħala l-eks regolatur tal-gaming.
Sephora Francalanza
12:12 Ikompli jispjega li sakemm dam l-MGA, kellhom relazzjoni professjonali. "Wara ftit żmien bdejna niffrekwentaw lil xulxin ftit aktar."
Sephora Francalanza
12:11 Fenech talab laqgħa miegħu fl-2014 bħala r-regolatur il-ġdid fis-settur tal-gaming. Isemmi li t-Tumas Group għandhom 2 każinos u xi ħwienet tal-logħob tal-azzard, apparti hekk għandhom anke live studio fejn isir il-gaming, ġo Portomaso stess.
Sephora Francalanza
12:10 Ix-xhud jispjega li meta daħal fl-MGA, qatta' l-ewwel ftit żmien jiltaqa' mal-istakeholders u n-nies attivi fis-settur.

Ma' Yorgen Fenech iltaqa' fl-2014. Qatt ma kien iltaqa' miegħu qabel.
Sephora Francalanza
12:10 Il-Bord jistaqsi dwar Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:09 Kien hemm mumenti meta beża' anke għas-sigurtà tiegħu personali, meta kienu involuti ċerti Taljani u Sqallin.
Sephora Francalanza
12:09 Cuschieri jgħid li llum il-ġurnata, bit-tip ta' liċenzjar kif isir, u bit-teknoloġiji li ġew investiti, is-settur hu aktar b'saħħtu.
Sephora Francalanza
12:08 "Dawk l-4 snin u 8 xhur kienu challenging ħafna, kemm fis-settur tal-gaming u anke fis-settur finanzjarju – ir-risk profile u r-risk appetite kien b'tali mod u manjiera li kien qed iħalli ċerti bad apples jidħlu fis-sistema."
Sephora Francalanza
12:07 Jgħid li ġie appuntat direttament mill-Ministeru, ħa l-ħatra f'Ottubru tal-2013. Għamel hemm erba' snin u tmien xhur.

Is-settur tal-gaming u l-awtorità nnifisha kellu jirriformahom u jkompli jsaħħaħ l-istruttura regolatorja.
Sephora Francalanza
12:06 Mistoqsi min kienu l-Ministri li serva taħthom, jgħid li fl-2013 il-Ministru tal-Ekonomija kien Chris Cardona, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli kien Edward Zammit Lewis.

Kien hemm bidla fil-portafoll – is-Segretarju Parlamentari sar Jose Herrera.

Imbagħad kien hemm bidla oħra u hu beda jirrapporta lill-Ministru Manuel Mallia.

Dan sakemm kien fl-MGA.
Sephora Francalanza
12:05 Apparti hekk, kien fuq il-Bord ta' Projects Malta. Huwa wkoll Chairman tal-Bord tal-Appell tal-Ecocontribution.
Sephora Francalanza
12:05 Fl-2013, ġie appuntat Chairman Eżekuttiv tal-Malta Gaming Authority. Fl-2018 ġie appuntat Kap Eżekuttiv tal-MFSA.
Sephora Francalanza
12:04 Il-professjoni tiegħu hija ta' accountant, gradwa 25 sena ilu. Qatta' l-parti kbira tal-karriera tiegħu fis-servizz privat, u fl-aħħar seba' snin kellu karigi pubbliċi.
Sephora Francalanza
12:03 Ix-xhud hu mistoqsi mill-Bord jekk humiex għaddejjin investigazzjonijiet dwaru. Hu jgħid li sa fejn jaf hu, le.
Sephora Francalanza
12:02 Jidħol Joseph Cuschieri.
Sephora Francalanza
12:01 L-Avukat Charlon Gouder jidħol fl-awla, se jassisti lil Joseph Cuschieri.
Sephora Francalanza
11:58 Inkomplu dalwaqt. Joseph Cuschieri wasal il-qorti ftit tal-minuti ilu.
Sephora Francalanza
11:35 Is-seduta se tieqaf għal ftit billi x-xhud mistenni jixhed f'12pm.
Sephora Francalanza
11:34 Joseph Cuschieri, l-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA, imissu jixhed.
Sephora Francalanza
11:34 Ix-xhieda ta' Konrad Mizzi tintemm hawn.
Sephora Francalanza
11:33 Dr Comodini Cachia tistaqsi hemmx libelli pendenti ta' Konrad Mizzi kontra l-familja Caruana Galizia.

Jgħid li jidhirlu li fadal libell wieħed pendenti li kkonċerna persuna oħra, u li jimpatta l-ħajja tal-familja tiegħu.
Sephora Francalanza
11:32 Mizzi jgħid, "I played no part."
Sephora Francalanza
11:32 Il-Bord jgħid li hu mħasseb għax ma ttiħdux passi, anke qabel l-omiċidju, biex tiġi protetta l-ġurnalista.
Sephora Francalanza
11:32 Mizzi jħares lejn il-familja ta' Caruana Galizia hu u jerġa' jgħaddi l-kondoljanzi tiegħu lilhom.

Paul Caruana Galizia u Corinne Vella, oħt il-ġurnalista assassinata, iħarsu lejn xulxin u jxenglu rashom.
Sephora Francalanza
11:30 "Ma rridx nippreġudika l-investigazzjonijiet – imma anke l-Kummissarju qal li ma jafux il-motiv wara l-qtil. Once again, I was shocked, yes. It impacted me, I had a vision for the country, to transform the whole country."
Sephora Francalanza
11:30 Mizzi jgħid li ma jafx sar referenza għal dan fil-Kabinett għax hu kien imsiefer.
Sephora Francalanza
11:29 Huwa kien imsiefer mal-President ta' dak iż-żmien, Marie-Louise Coleiro Preca, meta nqatlet Caruana Galizia. "Il-President kienet shellshocked, ingħalqet fil-kamra tagħha fil-hotel. Kulħadd tgerfex."
Sephora Francalanza
11:28 "Mrs Caruana Galizia was a vocal critic fuqi." Jgħid li xorta waħda kellu dispjaċir kbir meta mietet, u jgħid li avolja familtha rrabjata miegħu, jixtieq jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lilhom.

Jgħid li l-qtil tagħha affettwa x-xogħol tajjeb li kien qed isir. "I had a passion for it," jgħid Mizzi.
Sephora Francalanza
11:26 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jispjega li l-inkjesta għandha wkoll l-iskop li tara kinitx inħolqot kultura ta' impunità madwar l-amministrazzjoni tal-pajjiż.

Jgħid li l-Bord jixtieq ikun jaf ukoll x'reazzjoni kellu ħaddieħor għall-aħbar tal-assassinju. Jgħidlu li din ma tikkonċernax l-investigazzjonijiet għaddejjin dwaru, allura jista' jwieġeb.
Sephora Francalanza
11:25 Mistoqsi x'kienet ir-reazzjoni tiegħu għall-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, ix-xhud jgħid li ma jirrispondix għal din imma jixtieq jagħti stqarrija aktar tard.
Sephora Francalanza
11:23 Mistoqsi jafx kemm ta flus Yorgen Fenech lill-Partit Laburista wara l-2012, Mizzi jgħid li ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
11:22 Jistaqsih ukoll meta sar jaf li se ssir elezzjoni bikrija fl-2017, meta ltaqa' għall-ewwel darba ma' Ram Tumuluri, jekk qattx kellu suspett raġonevoli ta' irregolarità fil-proġett tal-Electrogas.

Ix-xhud jgħid, "Nagħżel li ma nirrispondix."
Sephora Francalanza
11:20 Azzopardi jistaqsi jekk kienx hemm komunikazzjoni bejn Mizzi u l-PM meta ħarġet l-aħbar tal-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:20 L-avukat jistaqsi lix-xhud jafx għaliex l-aħħar żjara ta' Muscat, bħala Prim Ministru f'Diċembru li għadda, kienet fil-Montenegro.

Mizzi jgħid li mhux se jwieġeb.
Sephora Francalanza
11:18 Dr Azzopardi jistaqsi lil Mizzi dwar meta ltaqa' ma' Brian Tonna l-ewwel darba, meta kienet l-aħħar darba li kkomunika ma' Joseph Muscat jew Keith Schembri.

Mizzi qal li ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
11:18 Mizzi ma wiġibx.
Sephora Francalanza
11:16 Dr Jason Azzopardi jistaqsi lix-xhud għaliex tkeċċa mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista jekk huwa qatt ma rċieva kickbacks u qatt m'għamel xejn illegali kif allega hu meta għamel stqarrija ftit ilu fil-qorti.
Sephora Francalanza
11:16 Dr Comodini Cachia tistaqsi xi mistoqsijiet oħra, Konrad Mizzi ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
11:16 Mizzi jħares lejn Comodini Cachia hi u taqra, u mbagħad jerġa' jaqra mill-kopja li għandu tal-ittra.

"Int tajthom din l-informazzjoni dwar Daphne u Matthew Caruana Galizia?"

"Ma nirrispondikx."
Sephora Francalanza
11:16 Għaldaqstant, id-ditta legali argumentat li l-klijent tagħha kien imħasseb fuq kif Reuters tistrieħ fuq l-artikli tagħha.

Fl-ittra, Reuters tintalab tieħu "cautious approach" għax din il-ġurnalista għandha "political axe to grind."
Sephora Francalanza
11:16 L-ittra tkompli tgħid li l-klijent inkwistjoni huwa mħasseb li wieħed mill-impjegati ta' ICIJ huwa Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia, u l-ittra ssejħilha "a public supporter of the Maltese Opposition party, who has written numerous articles about our client and the Maltese Labour Party. Our client considers that Ms Caruana Galizia is a political activist with a clear vendetta and is perpetrating a smear campaign against him with a clear political agenda."
Sephora Francalanza
11:12 Dr Comodini Cachia tikkwota l-ittra ta' Schillings imsemmija qabel, ditta legali li rrappreżentat lil Mizzi.

F'din l-ittra hemm sottotitlu bl-isem "Matthew Caruana Galizia."

L-ittra hi indirizzata lil Reuters u tgħid, "As stated above, our client welcomes discussion on the issues raised in this Reuters letter. He has no wish or intention to unreasonably stifle such debates…"
Sephora Francalanza
11:08 Tistaqsih fuq id-ditta legali Schillings, min introduċieh għaliha u kif jispjega li hu u Keith Schembri t-tnejn użaw din id-ditta legali.

Hu jgħid li ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
11:06 L-avukata tikkwota email ta' Karl Cini minn Nexia BT li jgħid, "My client will get them directly to the bank in original" rigward xi karti.

Tistaqsih kienx ħadhom hu personalment f'Dubaj biex jiftaħ il-kont bankarju.

"Ma nwiġibx," jgħid Mizzi.
Sephora Francalanza
11:05 Tistaqsih ukoll fuq 17 Black u Yorgen Fenech.

Konrad Mizzi jgħid li mhux se jwieġeb.
Sephora Francalanza
11:03 Mistoqsi fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Nexia BT, Mizzi jgħid li ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
11:02 L-avukata tistaqsih ukoll jekk jikkonfermax li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Ministeru tiegħu, Ronald Mizzi, kien jemenda stqarrijiet ta' Electrogas u SoCar.

Mizzi jgħid li ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
11:00 Dr Comodini Cachia tikkwota email mibgħuta minn Turab Musayev lil shareholders u persuni oħra fil-proġett fl-1 ta' Settembru tal-2017, li tgħid:

"Dear all, Yorgen and I spoke to Konrad Mizzi and David. […] Minister is working on solving excise tax issue."

Mistoqsi jekk hu kienx il-Ministru msemmi, Konrad Mizzi mill-ġdid jgħid li ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
10:59 L-avukata tistaqsi fuq x'kien jiġi diskuss fil-laqgħat tiegħu ma' Yorgen Fenech, fuq jekk id-deċiżjonijiet dwar Electrogas ħadhomx waħdu jew iddiskutihomx mal-Prim Ministru jew maċ-Chief of Staff.

Huwa ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
10:54 Dr Therese Comodini Cachia issa qed tistaqsi xi mistoqsijiet lix-xhud, fost l-oħrajn fuq Turab Musayev, fuq xi negozjati, fuq ir-relazzjoni ta' Mizzi ma' Chang Chen, fuq il-laqgħat tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Mizzi jwieġeb darba wara l-oħra, "Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:54 "Qatt ma sar anything untoward, qatt ma kien hemm kickbacks… I worked in the best interest of the country. Grazzi tal-opportunità," itemm jgħid Mizzi.
Sephora Francalanza
10:54 "Tajjeb ngħid ukoll li ġieli ssemmew deċiżjonijiet tiegħi li lanqas kienu deċiżjonijiet tiegħi – uħud minnhom lanqas kienu deċiżjonijiet tal-Gvern."

Jistqarr li forsi kien hemm min xehed b'mod żbaljat għax ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
10:54 "Kulma għamilt dejjem sar bl-objective għall-ġid ta' the public out there," jistqarr Mizzi.
Sephora Francalanza
10:53 Mizzi jgħid li ma kellu l-ebda involviment fl-MoU tal-isptarijiet.
Sephora Francalanza
10:52 Jgħid li huwa minnu li huwa kellu f'idu proġetti kbar, qal iżda li kienu jiġu l-esperti biex jiddiskutu n-negozjati. Jgħid li faċli wieħed jivverifika dan jekk jara l-minuti tal-laqgħat tal-Kabinett.

Jinsisti li l-Kabinett ta l-approvazzjoni tiegħu, li ma kinitx tkun superfiċjali.
Sephora Francalanza
10:49 Mizzi jgħid li fil-Kabinett dejjem segwa d-direzzjoni tal-Prim Ministru, ikkonsulta miegħu fuq id-deċiżjonijiet il-kbar.
Sephora Francalanza
10:49 Il-Bord tal-Inkjesta jerġa' jidħol fl-awla u s-seduta tkompli.
Sephora Francalanza
10:47 Javviċina mill-ġdid lill-avukati tiegħu.
Sephora Francalanza
10:46 Sakemm għadna qed nistennew li s-seduta tkompli, Mizzi qed jippassiġġa madwar il-pedana tax-xhieda, rasu baxxuta 'l isfel.
Sephora Francalanza
10:43 Il-Bord tal-Inkjesta għadu ma rritornax. Mizzi qiegħed qrib il-pedana tax-xhieda, juża l-mowbajl.
Sephora Francalanza
10:41 Wara madwar tliet minuti, Mizzi u t-tim legali tiegħu jerġgħu jidħlu fl-awla.
Sephora Francalanza
10:41 Is-seduta tieqaf għal ftit sakemm Mizzi jiddiskuti mal-avukati.
Sephora Francalanza
10:41 Huwa jistaqsi jistax jitkellem mal-avukati tiegħu, u l-Bord jagħtih permess.
Sephora Francalanza
10:40 Mizzi jwieġeb li kieku spiċċaw l-inkjesti maġisterjali dwaru, ma kienx ikollu problema jwieġeb, imma ladarba għaddejjin l-inkjesti dwaru, jippreferi li ma jwiġibx, skont il-parir tal-avukati tiegħu.
Sephora Francalanza
10:33 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino issa jgħid lil Mizzi li l-Bord qiegħed hawn appuntat mill-Gvern, u jistenna li kull min kien involut għandu jikkopera biex toħroġ il-verità.

Jgħidlu li l-Ministri kollha li xehdu taw l-impressjoni li ma jaħtu xejn u kollha ppuntaw subgħajhom lejn Mizzi.

Mizzi jibda jitbissem għal dan il-kumment.

Said Pullicino jgħid lil Mizzi li għandu l-opportunità jiċċara l-pożizzjoni tiegħu, u jikkummenta fuq dak li ġie allegat fil-konfront tiegħu. "M'aħniex niġġudikaw lilek, qed niġġudikaw l-amministrazzjoni."
Sephora Francalanza
10:32 Mistoqsi fuq il-wind farms ta' Montenegro, mill-ġdid jgħid li mhux se jwieġeb.
Sephora Francalanza
10:32 Mistoqsi kellux involviment fit-trasferiment minn Vitals Global Healthcare għal għand Steward Healthcare, Mizzi jgħid li mhux se jwieġeb.
Sephora Francalanza
10:30 Mizzi jinterrompi lill-Bord biex jistaqsi mistoqsija lill-avukati tiegħu.

Jistaqsihom jekk meta jkun hemm nuqqas ta' preċiżjoni fil-mistoqsijiet, għandux iwieġeb xorta, pereżempju meta jissemma li hu kien Ministru f'tali żmien, iżda f'dak il-perjodu hu kien bla portafoll.

L-avukati jgħidulu biex iwieġeb xorta waħda.
Sephora Francalanza
10:29 Jistaqsih ukoll kif sar jaf lil Mark Gasan u Paul Apap Bologna.

"Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:28 Il-Bord jistaqsi x'kien l-iskop tal-ħafna laqgħat li kellu ma' Yorgen Fenech f'Kastilja, Mizzi jgħid, "Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:28 Mistoqsi kienx jaf lil Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mark Gasan, Konrad Mizzi jgħid, "Ma nirrispondix."
Sephora Francalanza
10:26 Il-Bord jistaqsi lix-xhud fuq kif kien imexxi l-proġetti l-kbar tal-Gvern, bħal tal-Electrogas u l-Vitals.

"Ma nwiġibx," jgħid Mizzi għal darb'oħra.
Sephora Francalanza
10:25 Mizzi jagħtiha daqqa t'għajn.

Mistoqsi għandux kummenti x'jgħaddi fuq l-ittra, huwa jgħid, "Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:25 Ix-xhud jingħata kopja tal-ittra msemmija tad-ditta legali Schillings.
Sephora Francalanza
10:25 Mizzi huwa mistoqsi kienx parti mill-hekk imsejjaħ kitchen cabinet ta' Joseph Muscat.

"Ma nwiġibx," jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:23 Mistoqsi fuq Keith Schembri, Mizzi jgħid, "Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:23 Mizzi jgħid li jista' jaraha wara l-ittra. Jitbissem lejn l-avukati tiegħu.
Sephora Francalanza
10:21 L-avukati ta' Mizzi jitolbu li jarawha, u anke Mizzi jgħid li jixtieq jaraha.
Sephora Francalanza
10:20 Il-Bord jistaqsi fuq l-ittra ta' Schillings, ditta legali Ingliża li heddet b'azzjoni legali.

Hu jgħid li ma jwiġibx, iżda Dr Therese Comodini Cachia tippreżenta l-ittra msemmija lill-Bord.
Sephora Francalanza
10:18 Huwa mistoqsi jekk il-Kabinett kienx talbu spjegazzjoni fuq il-Panama Papers, jekk kienx ħa passi kontra xi ġurnalisti jew Daphne Caruana Galizia minħabba r-rappurtaġġ fuq il-Panama Papers…

"Ma nwiġibx," jerġa' jgħid Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
10:18 Il-mistoqsijiet ikomplu fuq jekk Mizzi qattx kellu kont bankarju f'Pilatus Bank, jekk qattx iltaqa' ma' Ali Sadr.

"Ma nwiġibx," jerġa' jgħid Mizzi.
Sephora Francalanza
10:16 Il-Bord tal-Inkjesta jikkwota email ta' Karl Cini li fih tissemma l-kumpanija Hearnville. Jgħidlu li allegatament dil-kumpanija hija tiegħu, u jistaqsih għandux kumpanija bbażata f'Dubaj.

Għal darb'oħra, Mizzi jgħid, "Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:15 "Tikkonferma jekk għandekx jew qattx kellek kont bankarju f'Dubaj?"

"Tgħidilna jekk bħala Ministru qattx mort Dubaj? Jekk iva, kemm-il darba?"

"Ma nwiġibx," jgħid mill-ġdid Mizzi.
Sephora Francalanza
10:15 "Tista' tgħidilna kif kont qed tistenna li ddaħħal €150,000 fix-xahar mingħand Macbridge u 17 Black mingħajr ma taf min hu s-sid tagħhom?"

"Għaliex kont qed tistenna li ddaħħal dal-flus?"

"Ma nwiġibx," jirrepeti Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
10:12 Mistoqsijiet oħra huma fuq li kienet qed tikteb Daphne Caruana Galizia dwaru u l-Panama Papers, fuq 17 Black, fuq jekk jafx min hu Mario Pullicino, jekk għandux rabta ma' MayorTrans Limited, fuq min huma l-azzjonisti jew l-Ultimate Beneficial Owners ta' Macbridge.

"Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:11 Il-Bord jistaqsi lix-xhud jekk qabel daħal fil-politika kienx negozjant.

Mizzi ma jwiġibx.
Sephora Francalanza
10:11 Isiru mistoqsijiet ukoll fuq Nexia BT b'rabta mal-Panama Papers.

Mizzi jgħid, "Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:11 Il-Bord bilkemm jilħaq jispiċċa jistaqsi mistoqsija li Konrad Mizzi jgħid, "Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:09 Il-Bord jissokta bil-mistoqsijiet fuq il-Panama Papers: ir-reazzjoni tal-Gvern, jekk Muscat kienx sejjaħlu biex ikellmu fuq il-kwistjoni…

"Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:09 Dwar il-Panama Papers, Mizzi jgħid, "Ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:09 Huwa mistoqsi kienx iżomm lil Muscat infurmat bl-andament tal-proġetti li kellu f'idejh, pereżempju tal-Vitals.

"Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:09 Mistoqsi fuq kif jaf lil Joseph Muscat, ix-xhud jgħid, "Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:08 Il-Bord jistaqsi jekk Mizzi ltaqax ma' membri tal-konsorzju tal-Electrogas qabel l-elezzjoni tal-2013.

"Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:07 Mistoqsi fuq jekk kienx hu li avviċina lill-Partit Laburista bil-proġett tal-powerstation, Mizzi jgħid, "Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:07 Mistoqsi fuq kif involva ruħu fis-settur tal-enerġija, Mizzi jgħid, "Nagħżel li ma nwiġibx."
Sephora Francalanza
10:07 Il-Bord jibda jistaqsi lix-xhud. Jistaqsih fuq kif bdiet il-karriera politika tiegħu.

Jgħid, "Nagħżel li ma nwiġibx."

Jinstema' daħk fl-awla.
Sephora Francalanza
10:03 Il-Bord qed iwissi lix-xhud li jekk jista' b'xi mod jinkrimina ruħu bit-tweġibiet li jagħti, għandu dritt ma jwiġibx għad-domandi.
Sephora Francalanza
10:03 L-avukati qegħdin ifittxu l-liġi msemmija.
Sephora Francalanza
10:02 Hu u jħares lejhom, Konrad Mizzi jgħid mill-ġdid li l-Avukati Azzopardi u Comodini Cachia huma opponenti politiċi tiegħu. Jgħid li l-avukati, partikolarment Azzopardi, dejjem jgħaddu kummenti fil-konfront tiegħu.
Sephora Francalanza
10:02 L-Imħallef Lofaro tibqa' tgħid lill-avukati ta' Mizzi jsibu l-artikolu fil-liġi li jgħid li Mizzi għandu jkollu disclosure tal-mistoqsijiet li se jsirulu.
Sephora Francalanza
10:01 Fuq Facebook, fid-9.25am Konrad Mizzi sejjaħ lill-Avukati Azzopardi u Comodini Cachia "assassini politiċi."

Huwa qal, "M’għandi l-ebda dmir li nħalli lill-assassini politiċi tiegħi japprofittaw ruħhom minn din l-inkjesta pubblika. Għaldaqstant ma jiena se nirrispondi għall-ebda mistoqsija u m’inix bi ħsiebi li nipparteċipa fit-teatrini tagħhom."

Il-post ta' Mizzi: www.facebook.com/konradmizzi/photos/a.1343370612377486/3461302553917604/
Sephora Francalanza
09:59 L-Avukata Comodini Cachia tgħid li dalgħodu Konrad Mizzi tella' Facebook post oħra li fiha semma lilha u lill-Avukat Azzopardi.

Jgħidu li huma jiċħdu l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tagħhom.
Sephora Francalanza
09:59 L-Imħallef Lofaro tesiġi li l-avukati jikkwotaw l-artikolu fil-liġi li jgħid li Mizzi għandu jkollu disclosure.
Sephora Francalanza
09:57 L-Avukat Peralta qed jargumenta li t-tweġibiet tiegħu jaf jiġu interpretati ħażin.

Il-Bord jgħidlu li Mizzi jista' ma jwiġibx jekk iħoss li bit-tweġiba tiegħu jinkrimina ruħu.
Sephora Francalanza
09:56 Huwa qal li l-inkjesti li għaddejjin fuqu huma dwar aspetti diversi tal-ħidma tiegħu bħala Ministru.
Sephora Francalanza
09:56 Jgħidu li hemm 3 inkjesti pendenti fil-konfront ta' Mizzi.
Sephora Francalanza
09:55 L-avukati ta' Mizzi jgħidu li hu qiegħed bil-police bail fl-investigazzjoni tal-pulizija fuqu.
Sephora Francalanza
09:55 Jgħid li ma jafx huwiex bil-police bail.
Sephora Francalanza
09:55 Mistoqsi mill-Bord, Konrad Mizzi jgħid li mill-midja jkun jaf ħafna drabi kemm għandu inkjesti pendenti.
Sephora Francalanza
09:54 L-Imħallef Emeritu Mallia jgħolli leħnu waqt li jqum għagħa fl-awla.
Sephora Francalanza
09:51 L-avukati ta' Mizzi jgħidu li d-digriet tal-Bord ġie rappurtat mit-Times of Malta f'temp ta' nofs siegħa wara li ħareġ.

Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jgħid li l-ġurnalisti jieħdu interess kbir f'dan il-każ.
Sephora Francalanza
09:49 "Jien rajt kummenti li ġew mingħandek fil-konfront tiegħi," jgħid Mizzi lill-Imħallef Lofaro, iżda din tistaqsih għal liema kummenti qed jirreferi.

Jgħid li fil-midja ġie rappurtat li fix-xhieda tal-Ministru Michael Falzon, l-Imħallef Lofaro qaltlu biex ma jqabbilx lilu nnifsu ma' Mizzi. Jgħid li hi jaf ġiet kwotata ħażin fil-midja.
Sephora Francalanza
09:49 "Qed jippruvaw jużaw l-inkjesta għal fini politiċi."
Sephora Francalanza
09:47 Konrad Mizzi jgħid li mhuwiex jiddubita l-integrità tal-Bord, imma tal-avukati parte civile.

L-Imħallef Lofaro tinterrompih mill-ġdid u tgħidlu li meta qal li l-inkjesta qed tintuża, huwa kien qed juri disprezz lejn il-Bord.
Sephora Francalanza
09:47 Il-Bord jibqa' jinsisti li din mhux se jaċċettaha u jrid apoloġija.
Sephora Francalanza
09:46 "Hemm barra kulħadd jaf li l-aġenda ta' Azzopardi u Comodini Cachia hija waħda politika – dawn attakkawni fil-Parlament…" jibda jgħid Mizzi.
Sephora Francalanza
09:46 Mizzi jgħid li b'"Nazzjonalisti" kien qed jirreferi għal Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, hu u jipponta lejhom.
Sephora Francalanza
09:45 Jgħid li hu ma kienx qed jirreferi għall-Bord, imma l-Imħallef Lofaro tinterrompih u taqra mill-Facebook post ta' Konrad Mizzi. Tgħidlu li dan disprezz lejn il-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
09:45 Konrad Mizzi jitlob li jintervjeni.
Sephora Francalanza
09:44 "Disprezz, disprezz, aħna m'aħniex qegħdin hawn għall-ebda partit politiku," tgħid l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
09:44 L-Imħallef Mallia jgħid li jippretendi li jkun hemm apoloġija min-naħa ta' Mizzi.
Sephora Francalanza
09:43 L-eks Maġistrat Peralta jgħid li l-klijent tiegħu Mizzi għandu dritt għal disclosure minħabba proċeduri li għaddejjin fil-konfront tiegħu.
Sephora Francalanza
09:43 L-Imħallef Lofaro tgħid li Mizzi jrid joqgħod attent għax dak li qal jista' jagħti lok għal disprezz lejn il-Qorti.
Sephora Francalanza
09:42 Mizzi jgħid li dak li kiteb fuq Facebook ivarja milli qal fir-rikors.

L-Imħallef Lofaro tgħid li mhux minnu għax hi rat il-Facebook post.
Sephora Francalanza
09:42 Il-Bord jibda billi jistaqsi lix-xhud fuq ir-rikors.

Mizzi jgħid li aħjar jispjegaw l-avukati, iżda l-Bord joġġezzjona. Jgħidlu li hu jrid jispjega dak li qal, anke fil-Facebook post.
Sephora Francalanza
09:41 L-eks Ministru jieħu l-ġurament.
Sephora Francalanza
09:40 Jagħlaq il-buttuna tal-ġlekk u jħares madwaru.
Sephora Francalanza
09:40 Mizzi jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
09:40 Konrad Mizzi jissejjaħ biex jixhed.
Sephora Francalanza
09:39 Jidħol il-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
09:38 Mizzi qal li hu ma kellu l-ebda involviment fil-qtil tal-ġurnalista, u allura ma jarax il-punt li jixhed. Iżda l-Bord fakkru li huwa qed jinvestiga l-kultura ta' impunità li jaf kienet fattur fil-qtil ta' Caruana Galizia, u jekk l-Istat setax ipprevjena li jseħħ il-qtil.
Sephora Francalanza
09:38 Mizzi ressaq rikors biex jiġi eżentat milli jixhed, iżda l-Bord tal-Inkjesta ħareġ digriet li fih ordna lil Mizzi jitla' jixhed illum.
Sephora Francalanza
09:37 Infakkrukom li sal-bieraħ stess, Mizzi qal li mhux beħsiebu jixhed fl-inkjesta. Huwa kkritika l-inkjesta u qal li saret politiċizzata.
Sephora Francalanza
09:36 L-aħwa ta' Daphne Caruana Galizia jinsabu hawn ukoll.
Sephora Francalanza
09:35 Hawn preżenti għadd ġmielu ta' ġurnalisti, kif ukoll l-avukati parte civile Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
09:34 Għadu kemm daħal fl-awla iben Daphne Caruana Galizia, Paul Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:30 Huwa rappreżentat mill-eks Maġistrat Carol Peralta u mill-Avukat Jean Paul Sammut.

Dwar Dr Carol Peralta:
newsbook.com.mt/min-hu-dr-carol-peralta/
Sephora Francalanza
09:29 Mizzi qed jitkellem mal-avukat tiegħu.
Sephora Francalanza
09:29 L-ewwel xhud tal-lum, l-eks Ministru Konrad Mizzi, diġà jinsab fl-awla flimkien mal-avukati tiegħu.
Sephora Francalanza
09:28 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 20.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed is-Supretendent Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjonijiet fuq il-qtil. Huwa tkellem fuq l-andament tal-investigazzjoni, u mbagħad is-seduta kompliet fil-magħluq.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.