Il-Bord tal-Accountancy ma ħax azzjoni kontra Nexia BT fl-2017 fuq parir tal-AĠ

Read in English.

Dalgħodu kompliet l-inkjesta fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax għamel aktar biex jipprevjeni l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Illum xehdu s-Supretendent George Cremona mit-Taqsima ta’ Kontra t-Terroriżmu, iċ-Chairman tal-Bord tal-Accountancy Prof. Peter J. Baldacchino u s-Segretarju Ġenerali tal-istess bord, Martin Spiteri. Xehdu wkoll iben Daphne Caruana Galizia, Matthew, u oħtha, Corinne Vella.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Is-Supretendent George Cremona qal li missier Fenech, li hu mejjet, kellu jirċievi munizzjon u arma tan-nar b’silencer mid-dark web; il-Pulizija saret taf f’Settembru tal-2019.
  • Fl-2017, il-Bord tal-Accountancy ma ħax azzjoni kontra Brian Tonna u Nexia BT għax l-AĠ tahom parir jistennew li jintemmu l-proċeduri kriminali.
  • Fil-fehma tal-Bord tal-Inkjesta, Brian Tonna u Karl Cini messhom ġew sospiżi mill-Bord tal-Accountancy malli ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers.
  • Matthew Caruana Galizia ppreżenta nota li kitbet ommu Daphne li fiha ssemmi kif l-eks Ministru Tonio Fenech kien intalab ikun fuq il-Bord tal-Bank Pilatus imma kien irrifjuta. Skont Caruana Galizia, l-għan li jkun hemm eks Ministru fuq dan il-Bord kien biex ikun diffiċli għall-Oppożizzjoni li tinvestiga u tirrapporta fuq il-Bank Pilatus.
  • Emails bejn Henley & Partners u Joseph Muscat u Keith Schembri biex tittieħed azzjoni kontra Daphne Caruana Galizia fir-Renju Unit: “Do you agree with the call for action” It-tweġiba ta’ Schembri hija, “Good job Chris.”
  • Emails oħrajn isemmu kif kienu qed jippjanaw li jieħdu azzjoni kontra Daphne Caruana Galizia u Jason Azzopardi.

Prof. Baldacchino u Spiteri ġew mistoqsijin fuq is-sospensjoni tal-liċenzja ta’ Karl Cini u Brian Tonna minn Nexia BT. Il-liċenzja tagħhom ġiet sospiża mill-Bord il-ġimgħa li għaddiet ftit jiem wara l-arrest tagħhom, wara li ġie deċiż li se jibda proċess dixxiplinarju kontrihom.

Fil-qorti minuta b’minuta…

13:18 Il-waranofsinhar it-tajjeb!
Sephora Francalanza
13:17 Grazzi talli segwejtuna! Dalwaqt intellgħu l-punti ewlenin fl-artiklu.
Sephora Francalanza
13:16 Is-seduta li jmiss se ssir il-Ġimgħa fid-9.30am u se jixhed Paul Apap Bologna.
Sephora Francalanza
13:16 Is-seduta tal-lum tintemm hawn.
Sephora Francalanza
13:12 Min irreġistra josephmuscat.com m'għadux viżibbli, tgħid Vella. Spjegat li dak iż-żmien ir-reġistrant kien Jonathan Cardona, il-Kap Eżekuttiv ta' Identity Malta.
Sephora Francalanza
13:11 Tintemm ix-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia u tixhed issa Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
13:11 Caruana Galizia jgħid li sa fejn jaf hu, Jonathan Cardona mhux persuna teknika jiġifieri ma jaħsibx li kien hu wara @josephmuscat.com.
Sephora Francalanza
13:06 F'dawn l-emails intużaw id-domain ta' Henley & Partners, @gov.com, @josephmuscat.com u kontijiet tal-Gmail, qal Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
13:05 Kalin kiteb email ukoll jitlob laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-BOV peress li H&P ma kinux iltaqgħu mal-Kap il-ġdid, u kellhom xi problemi mal-bank.

"In hand," kien jgħid email mibgħut jew minn Keith Schembri, Joseph Muscat jew Jonathan Cardona, qal Matthew Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
13:01 Matthew Caruana Galizia jgħid li kien hemm illobbjar għall-konċessjoni ta' Montenegro.
Sephora Francalanza
13:01 In-noti ta' Daphne jgħidu: "JM (Joseph Muscat) stayed in suites paid by Henley and Partners."
Sephora Francalanza
12:59 Kien hemm ukoll struzzjoni minn Kalin lil xi ħadd mit-tim tiegħu biex jiġbor lil Keith Schembri mill-ajruport f'Londra.
Sephora Francalanza
12:57 F'email minnhom, Christian Kalin staqsa lil Jonathan Cardona kif iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) huwa membru tal-Oppożizzjoni.
Sephora Francalanza
12:57 Fin-noti tagħha, Daphne tirreferi għal Keith Schembri bħala KS.
Sephora Francalanza
12:56 Skont in-noti ta' Daphne, Kalin bagħat email lil Joseph Muscat jifraħlu tal-kampanja.
Sephora Francalanza
12:56 Issa jaqra minn email li l-Bank Pilatus bagħat lill-eks Ministru Tonio Fenech. Il-bank wera x-xewqa li Fenech jiltaqa' ma' sid il-Bank Pilatus Ali Sadr wiċċ imb wiċċ.
Sephora Francalanza
12:53 Min-noti ta' Daphne fl-4 ta' Marzu: "Is this the best time to pursue this libel case?"
Sephora Francalanza
12:51 "We need a jurisdiction in the UK" jgħid email ta' Christian Kalin lil Joseph Muscat, Keith Schembri, Owen Bonnici u Jonathan Cardona.
Sephora Francalanza
12:48 Email mingħand Christian Kalin minn Henley and Partners jgħid kif irnexxielhom jieħdu passi legali kontra l-midja f'Malta.

Emails oħrajn isemmu kif kienu qed jippjanaw li jieħdu azzjoni kontra Daphne Caruana Galizia u Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
12:47 Email ieħor, indirizzat lil Joseph Muscat u Keith Schembri jgħid, "Do you agree with the call for action"

It-tweġiba ta' Schembri hija, "Good job Chris."
Sephora Francalanza
12:44 Email minnhom jgħid li kienu qed ifittxu nies fir-Renju Unit lesti jgħidu li minħabba kummenti negattivi fuq il-kumpanija, in-negozju tagħhom kellu t-telf.
Sephora Francalanza
12:44 Huwa qed jaqra mill-emails.
Sephora Francalanza
12:41 Matthew Caruana Galizia jgħid li ra dawn l-emails waqt il-laqgħa li attenda m'ommu ma' sors tagħha. Ommu ħadet dawn in-noti waqt din il-laqgħa.
Sephora Francalanza
12:40 In-noti huma dwar l-emails bejn Joseph Muscat, Keith Schembri, Owen Bonnici, Jonathan Cardona u partner fil-kumpanija Henley and Partners.

Fl-aħħar seduta, il-Ministru Bonnici ġie mistoqsi fuq dawn l-emails u hu qal li ma pparteċipax fihom.
Sephora Francalanza
12:39 Daphne Caruana Galizia kienet ħadet noti wkoll fuq kif il-Gvern qal lil Henley & Partners biex tieħu azzjoni kontriha fir-Renju Unit.
Sephora Francalanza
12:38 Isemmi li xi notamenti ommu ħadithom waqt laqgħa li kellha ma' sors fir-rebbiegħa tal-2017. Huwa kien preżenti wkoll għal din il-laqgħa.
Sephora Francalanza
12:38 Matthew Caruana Galizia jgħid li ra dettalji ta' kumpaniji oħra barra minn Malta li ħadet ħsieb twaqqafhom Nexia BT.

Semma kumpanija li jemmen li hi tal-familja Mizzi minn Ħaż-Żabbar, imma dawn ma kinux klijenti ta' Nexia BT.
Sephora Francalanza
12:34 Jikkonferma li kkonferma dan ma' Tonio Fenech.
Sephora Francalanza
12:33 Skont Caruana Galizia, l-għan li jkun hemm eks Ministru fuq dan il-Bord kien biex ikun diffiċli għall-Oppożizzjoni li tinvestiga u tirrapporta fuq il-Bank Pilatus.
Sephora Francalanza
12:32 Matthew Caruana Galizia qed jispjega nota partikolari li kitbet ommu li fiha ssemmi kif l-eks Ministru Tonio Fenech kien intalab ikun fuq il-Bord tal-Bank Pilatus imma kien irrifjuta.
Sephora Francalanza
12:29 Hemm noti fuq it-tul ta' dawn it-telefonati inklużi fid-dokumenti.
Sephora Francalanza
12:29 Dawn juru wkoll li kien hemm komunikazzjoni bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:28 Dawn in-notamenti Caruana Galizia ħadithom fir-rebbiegħa tal-2017, qabel l-elezzjoni ġenerali.
Sephora Francalanza
12:27 Ommu talbitu jgħinha tidentifika numri oħrajn.
Sephora Francalanza
12:26 Jgħid li ommu identifikat numru bħala numru ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:26 Id-dokumenti jinkludu anke call logs bejn Keith Schembri u Saviour Balzan. In-numri ta' Miguela Spiteri u Yorgen Fenech imniżżlin fin-noti ta' ommu wkoll.
Sephora Francalanza
12:24 Huwa qed jippreżenta notamenti u skens li għamlet Daphne Caruana Galizia wara li ltaqgħet mas-sorsi tagħha.

Jgħid li dam ftit biex jippreżenta dawn id-dokumenti għax riedu jduru l-arkivji ta' ommhom.
Sephora Francalanza
12:23 Imiss li jixhed issa Matthew Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
12:23 Ix-xhieda ta' Martin Spiteri tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:22 Dr Comodini Cachia tistaqsi kif jiġi implimentat il-kodiċi tal-etika.

Ix-xhud jgħid li skont il-parir legali li ngħataw, kellhom jistennew il-proċeduri legali.

"Stennejtu erba' snin," tikkummenta l-Imħallef Abigail Lofaro.
Sephora Francalanza
12:18 L-Avukata Comodini Cachia titlob lix-xhud jippreżenta dawn id-dokumenti lill-Bord tal-Inkjesta:

– Il-korrispondenza ma' Nexia BT tal-ġimgħa li għaddiet
– Ir-rapport tal-quality assurance li sar fuq Nexia BT.
Sephora Francalanza
12:15 Meta staqsew jekk għandhomx jissospendu l-liċenzja ta' Tonna u ta' Nexia BT, l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech qalilhom jistennew il-proċeduri tal-qorti qabel jieħdu azzjoni.
Sephora Francalanza
12:13 "Kien hemm xi membri tal-Bord li riedu jieħdu azzjoni malli feġġew il-Panama Papers imma ħadna l-parir tal-Avukat Ġenerali," jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
12:11 Jikkonferma li l-Bord tal-Accountancy darba ffaċċja akkuża ta' ħasil tal-flus minn ċertu accountant li kien PEP (Persuna Esposta Politikament), kien sindku.
Sephora Francalanza
12:08 Dr Comodini Cachia tgħid li se tkun konċiża.
Sephora Francalanza
12:08 Spiteri għamel it-talba li jiġi eżentat mis-sigriet tal-professjoni bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Bord tal-Accountancy.
Sephora Francalanza
12:07 Jgħid li qatt ma kellu konnessjoni ma' Nexia BT.
Sephora Francalanza
12:07 Spiteri huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Bord tal-Accountancy li ġie appuntat fl-2011.
Sephora Francalanza
12:04 Issa jmiss jixhed Martin Spiteri.
Sephora Francalanza
12:04 Ix-xhieda tiegħu tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:04 Prof. Baldacchino jieħu nota tad-dokumenti li jrid jippreżenta lill-Bord.
Sephora Francalanza
12:01 "Kontu passivi u qgħadtu tistennew lill-FIAU u l-MFSA jieħdu azzjoni," kompliet tgħid l-Imħallef.
Sephora Francalanza
12:00 Lofaro tistaqsih jekk iridx ifisser li mill-informazzjoni li bdew jirċievu mir-regolaturi, ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni biex tiġi sospiża l-liċenzja ta' Brian Tonna bħala accountant.
Sephora Francalanza
12:00 L-Imħallef Lofaro titlob lil Prof. Baldacchino jgħid għal liem regolaturi qed jirreferi. Jgħid li dawn huma l-FIAU u l-MFSA.
Sephora Francalanza
11:58 Prof. Baldacchino żied jgħid li l-Bord tal-Accountancy qatt ma ħa ħsieb l-investigazzjonijiet kriminali.

"Lanqas il-Bord tal-Inkjesta ma jista' jsemmi l-proċeduri kriminali, imma xorta ninvestigaw," jgħid il-Bord.
Sephora Francalanza
11:53 Il-Bord josserva wkoll kif kien hemm accountants oħra apparti Nexia BT li għenu lill-klijenti tagħhom jiftħu kumpaniji f'pajjiżi oħrajn.

"Dawn l-accountants abbużaw mill-professjoni tagħhom," sostna l-Bord.
Sephora Francalanza
11:50 Fil-fehma tal-Bord tal-Inkjesta, Brian Tonna u Karl Cini messhom ġew sospiżi mill-Bord tal-Accountancy malli ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:49 Il-Bord tal-Inkjesta jgħid li jifhem il-limitazzjonijiet tal-Bord tal-Accountancy imma li ma ttieħdet l-ebda azzjoni huwa inaċċettabbli.

Il-Bord semma kif minkejja dan kollu, sal-ġimgħa li għaddiet, Brian Tonna xorta kellu l-liċenzja.
Sephora Francalanza
11:46 Jispjega li meta ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers, huwa ma kienx Chairman tal-Bord tal-Accountancy.
Sephora Francalanza
11:45 Prof. Baldacchino jibqa' jgħid li l-Bord tal-Accountancy dejjem mexa mal-parir tal-Avukat Ġenerali, imma d-deċiżjoni meħuda riċentament biex jittieħdu proċeduri dixxiplinarji kontra Brian Tonna u Karl Cini kienet ibbażata fuq il-parir tal-avukat tal-Bord.
Sephora Francalanza
11:43 L-Imħallef Lofaro tidher urtata bit-tweġibiet ta' Prof. Baldacchino: "Kif jista' jkun m'għamiltu xejn?!"
Sephora Francalanza
11:42 Il-Bord tal-Inkjesta jrid li jiġi ppreżentat lilu r-rapport tal-quality assurance li sar fuq Nexia BT.
Sephora Francalanza
11:42 Prof. Baldacchino jikkonferma li kien iltaqa' mal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li kien il-Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
Sephora Francalanza
11:41 Il-Bord tal-Inkjesta jinnota kif il-Bord tal-Accountancy għandu d-dover li jissalvagwardja l-integrità tal-professjoni u bl-ebda mod ma messu ttollera l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:40 Il-Bord issa jistaqsi fuq il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:40 Huwa joffri li jgħaddi wkoll kopja tal-minuti li ttieħdu fil-laqgħat.
Sephora Francalanza
11:40 Huwa jintalab jippreżenta dawn il-pariri lill-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
11:40 L-Imħallef Lofaro tistaqsi jekk għandhomx dal-parir bil-miktub, u Prof. Baldacchino jikkonferma.
Sephora Francalanza
11:39 Iżid jgħid li l-AĠ u l-avukati dejjem qalulhom biex ma jiħdux passi sakemm jirċievu r-rapport tal-investigazzjonijiet.
Sephora Francalanza
11:38 Prof. Baldacchino jgħid li f'Malta hawn żewġ problemi ewlenin: ir-relazzjoni mar-regolaturi u l-fatt li l-proċeduri legali ma jħallux lill-Bord tal-Accountancy jinvestiga kif inhu xieraq.
Sephora Francalanza
11:37 Il-Bord tal-Accountancy ra l-ftehim tas-separazzjoni.

L-Avukata Comodini Cachia ssemmi kif l-FIAU ttraċċaw "ir-repayment tal-loan" u staqsiet jekk rawx provi ta' xi dokumenti biex jittieħed il-loan.
Sephora Francalanza
11:36 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsi lil Prof. Baldacchino jekk ikkunsidrawx il-"loan li rċieva Keith Schembri bħala falza."

Jgħid li qalilhom li ma kellu l-ebda flus f'idejh u li kellu bżonn il-flus għas-separazzjoni.
Sephora Francalanza
11:28 Prof. Baldacchino qal li bdew jinvestigaw lil Brian Tonna fuq l-allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
11:26 L-Imħallef Abigail Lofaro qed tippressa lil Prof. Baldacchino b'mistoqsijiet fuq l-investigazzjonijiet li għamel il-Bord fuq Brian Tonna.
Sephora Francalanza
11:25 Baldacchino jgħid li l-Bord kien sejjaħ lil Brian Tonna u talbu jagħti spjegazzjoni. Hu pprova jikkonvinċihom bil-verżjoni tiegħu "tal-verità."
Sephora Francalanza
11:24 Prof. Baldacchino huwa mistoqsi fuq jekk il-Bord tal-Accountancy talabx informazzjoni fuq il-kumpaniji sigrieti li Nexia BT fetħet fil-Panama.
Sephora Francalanza
11:23 Jissokta jgħid li l-Bord ma setax iwettaq l-investigazzjonijiet bl-aħjar mod, u semma kif, pereżempju, ma rċivewx kopja tar-rapport fuq l-inkjesta maħruġa fl-aħħar jiem fuq allegazzjonijiet ta' tixħim ta' flus minn Brian Tonna fil-bejgħ tal-passaporti.
Sephora Francalanza
11:19 Prof. Baldacchino jistqarr li l-Avukat Ġenerali qalilhom li perikoluż li tbiddel il-liġi.
Sephora Francalanza
11:17 Żied jgħid li għall-Bord ma kienx ċar sa fejn kellhom jinvestigaw.
Sephora Francalanza
11:17 Fl-2017, il-Bord ħa l-parir tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
11:14 Ix-xhud jgħid li l-Bord apponta espert finanzjarju wkoll sabiex jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru mill-MEP David Casa.
Sephora Francalanza
11:14 Kellhom ukoll laqgħat mal-FIAU.
Sephora Francalanza
11:13 Baldacchino jikkonferma li fl-2017, it-Taqsima tal-Quality Assurance fil-Bord kienet għaddejja b'ħidma biex tinvestiga lil Nexia BT.
Sephora Francalanza
11:11 Il-Bord issospenda wkoll iċ-ċertifikati tal-prattika taż-żewġ irġiel fl-editjar, u r-reġistrazzjoni ta' Nexia BT u s-sussidjarji tagħha, BTI Management Limited u Nexia BT Advisory Services Limited.
Sephora Francalanza
11:11 Fil-25 ta' Settembru tħabbar li l-Bord tal-Accountancy ħa azzjoni kontra Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT wara l-arresti tagħhom il-ġimgħa li għaddiet, u ssospendielhom il-liċenzji tagħhom bħala accountants.
Sephora Francalanza
11:07 Jikkonferma li l-Bord wettaq spezzjonijiet fl-uffiċċji ta' Nexia BT.
Sephora Francalanza
11:07 Prof. Baldacchino jispjega li biex jieħu azzjoni dixxiplinarja, il-Bord jieħu parir legali.
Sephora Francalanza
11:05 L-Avukata Therese Comodini Cachia tgħid li għalissa m'għandux għalfejn jixhed bil-magħluq.
Sephora Francalanza
11:04 Hu jitlob li jkompli jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
11:04 Fl-ittra hemm spjega għaliex qed jiġi mitlub dan.
Sephora Francalanza
11:03 Ix-xhud jgħid li lbieraħ, il-Bord tal-Accountancy irċieva ittra biex iwaqqaf il-proċeduri dixxiplinarji kontra Nexia BT.
Sephora Francalanza
11:00 Jitla' jixhed Prof. Baldacchino.
Sephora Francalanza
10:56 Għadu kemm wasal it-tieni xhud, Prof. Baldacchino.
Sephora Francalanza
10:55 L-aktar ħaġa li spikkat mix-xhieda ta' Cremona kienet li f'Settembru li għadda, il-Pulizija sabet informazzjoni fid-dark web li kellu jasal pakkett għand George Fenech, missier Yorgen Fenech, li huwa mejjet, b'munizzjon u arma tan-nar armata b'silencer.
Sephora Francalanza
10:41 S'issa llum xehed is-Supretendent George Cremona mit-Taqsima ta' Kontra t-Terroriżmu. Huwa kompla x-xhieda tiegħu fil-magħluq.
Sephora Francalanza
10:41 Infakkrukom li qegħdin f'awla 20, nistennew lit-tieni xhud jasal, Prof. Peter J. Baldacchino mill-Bord tal-Accountancy.
Sephora Francalanza
10:40 F'wieħed mill-messaġġi bil-miktub li bagħat lill-maġistrat mill-isptar, Theuma kiteb, "Qed jidħku bija."
Sephora Francalanza
10:40 F'Lulju ta' din is-sena, Melvin Theuma nstab ġo daru f'għadira demm. Huwa weġġa' lilu nnifsu.
Sephora Francalanza
10:35 Kif diġà semma fis-seduta tal-lum Dr Azzopardi, Melvin Theuma beda jibża' li se jiġrilu xi ħaġa qabel ġie arrestat f'Novembru.
Sephora Francalanza
10:31 Skont l-investigaturi, Fenech fittex is-cyanide f'April tal-2019.
Sephora Francalanza
10:28 Min għamel it-tfittxija uża username u password u fittex velenu li joqtol raġel adult li jiżen 80 kilogramm. L-investigaturi ssuspettaw li dan il-velenu kien maħsub għal Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju.
Sephora Francalanza
10:27 Ħa nfakkrukom ftit…

Aktar kmieni dan ix-xahar, ġie rappurtat li d-Dipartiment ta' Investigazzjonijiet Amerikan sab tfittxijiet online għas-cyanide, u dawn it-tfittxijiet dehru ġejjin minn apparat ta' Yorgen Fenech xi xhur qabel ġie arrestat f'Novembru tal-2019.
Sephora Francalanza
10:16 Il-Bord tal-Inkjesta ħareġ mill-awla.
Sephora Francalanza
10:16 Issa qed nistennew lix-xhud li jmiss, Prof. Peter J. Baldacchino.
Sephora Francalanza
10:15 Il-ġurnalisti jerġgħu jidħlu f'awla 20.
Sephora Francalanza
10:09 Cyanide hija kimika velenuża li tintuża bħala qattiela silenzjuża fil-kotba ta’ Agatha Christie. Kien velenu popolari mal-ispiji u uffiċjali għolja fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-persuna li tikkonsma s-cyanide tista’ tmut f’temp ta’ ftit sekondi.
Sephora Francalanza
10:08 Meta l-Ispettur żvela dan, l-Avukat Charles Mercieca f’isem id-Difiża qam biex joġġezzjona u jgħid “mhu veru xejn”, filwaqt li Fenech beda jitbissem.
Sephora Francalanza
10:07 F'Awwissu li għadda, waqt xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, huwa kkonferma li Fenech qed jiġi investigat fuq importazzjoni ta' velenu.
Sephora Francalanza
10:05 Id-dark web hi parti mill-internet li ma tinstabx mis-search engines.
Sephora Francalanza
10:03 Yorgen Fenech, akkużat b'kompliċità fl-assassinju, uża d-dark web biex ifittex il-kimika velenuża cyanide.
Sephora Francalanza
10:03 Is-Supretendent se jkompli jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
10:01 Dr Azzopardi jgħid li fil-jiem li ġejjin, il-Bord tal-Inkjesta se jingħata aktar evidenza fuq il-kwistjoni mill-Europol.
Sephora Francalanza
09:58 Cremona kkjarifika li George Fenech huwa missier Yorgen Fenech, li hu mejjet.
Sephora Francalanza
09:57 L-Avukat Jason Azzopardi jgħid li dan kien l-istess żmien meta Melvin Theuma beda jibża' li se jiġrilu xi ħaġa.
Sephora Francalanza
09:56 Eventwalment, l-awtoritajiet Taljani niżżlu din id-dark web.
Sephora Francalanza
09:56 Is-Supretendent qal li mhux faċli li wieħed jittraċċa l-flus fuq id-dark web, peress li dan isir bil-bitcoin.
Sephora Francalanza
09:55 Sabu pakkett li kellu jasal għand George Fenech. Dil-ħidma fid-dark web kien jisimha Berlusconi.

Kellhom jaslu munizzjon u arma tan-nar armata b'silencer.
Sephora Francalanza
09:54 Ix-xhud jgħid li minn investigazzjonijiet li saru fid-dark web, instabet informazzjoni importanti fid-29 ta' Settembru tal-2019.
Sephora Francalanza
09:52 Is-Supretendent jitlob lill-Bord li jgħaddi ftit dettalji fuq l-investigazzjoni bil-bibien magħluqin.
Sephora Francalanza
09:51 L-ewwel messaġġ intbagħat dakinhar tal-assassinju, fil-5.05pm.
Sephora Francalanza
09:50 Cremona jippreżenta lill-Qorti biċ-chat li kellu mal-esperti barranin.
Sephora Francalanza
09:50 Wara, informa lil Silvio Valletta u lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li qalulu biex jagħmel li hemm bżonn.
Sephora Francalanza
09:50 Ikkonferma li kkomunika magħhom permezz ta' WhatsApp, u żamm kopja taċ-chat ta' bejniethom.
Sephora Francalanza
09:48 Cremona jgħid li kkuntattja lill-esperti Amerikani mill-ewwel, lill-FBI u oħrajn f'Ruma. Dan għamlu bir-rieda tiegħu stess.
Sephora Francalanza
09:48 Jibda billi jistaqsi lis-Supretendent Cremona x'għamel meta sar jaf bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fis-16 t'Ottubru, 2017.
Sephora Francalanza
09:44 Jibda jistaqsi l-mistoqsijiet Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
09:44 Is-Supretendent George Cremona jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
09:43 Il-Bord jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:36 L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li qed jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia jinsabu f'awla 20.
Sephora Francalanza
09:32 L-għodwa t-tajba. Nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ministru Bonnici?

  • Bejgħ passaporti: F’għajnejja għal Joseph Muscat kien proġett bħall-oħrajn
  • Bejgħ passaporti:Ma nafx jekk Keith Schembri laqqagħnix ma’ ta’ Henley & Partners qabel jew wara s-sejħa għall-investituri fl-iskema
  • Qatt ma kelli email owen@josephmuscat.com
  • Ma naħsibx li l-istil ta’ kitba fil-blogg ta’ Daphne u ta’ Glenn Bedingfield jagħmel ġid lill-poplu, imma m’hemmx paragun bejniethom
  • Dwar meta sejjaħ lil Daphne hate blogger, “ma jidhirli li qbiżt ebda linja”
  • Li jkollok ministru jiftaħ trust fil-Panama hija naive ħafna: Mort fuq Konrad u għedtlu “x’fettillek?”
  • F’seba’ snin lil Brian Tonna darba rajtu f’Kastilja
  • Dwar Yorgen Fenech: “Qas kont naf li jeżisti, qas kont naf li hawn xi ħadd b’dak l-isem”; “Il-ħbiberija bejn Schembri u Fenech ma kontx naf biha”
  • “Keith Schembri wera li jrid li jissolva l-assassinju wkoll”
  • Il-maħfra ta’ Melvin Theuma kien iddeċidieha Joseph Muscat, “kien insista li ried jerfagħha hu”
  • Dwar il-mafkar: “Ordnajt li jitneħħa meta beda jinqala’ l-inkwiet”

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.