“Tissimplifikawx il-kwistjoni tal-fruntiera mal-Irlanda” – Il-Gvern Irlandiż lil Johnson u Hunt

Simon Coveney, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Irlanda, qal li dawk li qed jikkontestaw biex jilħqu Prim Ministru tar-Renju Unit m’għandhomx jissimplifikaw il-kwistjonijiet li jippreżenta Brexit dwar il-fruntiera Irlandiża billi jissuġġerixxu soluzzjonijiet sempliċi.

Il-kandidati li qed jikkontestaw biex jilħqu minflok Theresa May insistew li se jaraw li jerġgħu jinnegozjaw il-ftehim tar-Renju Unit biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, jixtiequ jagħmlu xi bidliet fil-qbil dwar il-fruntiera mal-Irlanda, li serviet ta’ garanzija li ma jkunx hemm ħafna proċeduri mal-fruntiera bejn l-Irlanda, li hi membru tal-UE, u l-Irlanda ta’ Fuq, li hi parti mir-Renju Unit.

Boris Johnson, wieħed mill-kandidati, qal li l-kwistjoni tal-fruntiera tista’ tissolva f’perjodu ta’ tranżizzjoni, waqt li r-Renju Unit jara kif se jkun il-futur tiegħu mal-UE, liema proposta ma ntgħoġbitx mill-Irlanda, filwaqt li l-kandidat l-ieħor, Jeremy Hunt, qal li teknoloġija li ma speċifikax x’inhi tista’ tħalli l-fruntiera miftuħa.

Il-gazzetta Irish Times ġabet kumment ta’ Coveney li fih jgħid li hu importanti li l-fatti li qed jiġu diskussi fid-dibattiti bejn il-kandidati jiġu sfidati. Stqarr li xi ftit mir-retorika li sema’ f’dawn id-dibattiti mhijiex ibbażata fuq ir-realtà. Huwa insista li dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux jiġu ssimplifikati f’soluzzjonijiet sempliċi.