Tissellef il-libsa tat-tieġ mingħand il-Caritas

Fi żmien ta’ kriżi finanzjarja, il-koppji li jgħixu fin-nofsinhar tal-Italja qed isibu l-għajnuna tal-Caritas, biex xorta waħda jkollhom bidu sabiħ għaż-żwieġ.
Fil-parroċċa ta’ Sant’Anna f’Potenza, il-Caritas qed toffri għażla ta’ 30 libsa tat-tieġ minn ħanut magħruf, biex l-għarusa tissellef waħda għal-lejl tat-tieġ, u wara toħodha lura.
Il-voluntiera tal-Caritas iċċaraw li din l-inizjattiva ma nbdietx biss quddiem l-isfidi tal-faqar u l-kriżi finanzjarja, imma wkoll biex jitwassal il-messaġġ li persuna ma tonfoqx iktar milli tiflaħ.
Jiġri li xi drabi, biex jidhru ta’ nies quddiem l-oħrajn, il-koppji jiddejnu biex ikollhom tieġ kbir u jispiċċaw vittmi tal-użura.
Is-sistema taħdem mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. L-għarusa iċċempel lil Dun Franco Corbo, tagħmel appuntament u tagħżel il-libsa bil-qies it-tajjeb. Wara t-tieġ, kemm toħodha lura l-parroċċa, maħsula u lesta għal ta’ warajha.