Tissejjaħ investigazzjoni dwar l-imġiba ta’ żewġ uffiċjali tal-Pulizija

Il-Ministru Manuel Mallia ordna investigazzjoni interna mill-Korp tal-Pulizija fuq każ li jinvolvi żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Dan wara li fil-Qorti, il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona qal li għandu jittieħed passi fil-konfront ta’ żewġ uffiċjali tal-Pulizija fuq il-mod kif ġabu rwieħhom fil-konfront ta’ żewġ tfajliet Żvediżi wara li ġew arrestati.
Stqarrija tal-Ministeru tal-Intern issostni li din l-investigazzjoni se tistabbilixxi l-fatti u fejn hu l-lok li jittieħdu l-passi dixxiplinarji neċessarji.
Fid-deċiżjoni, il-Qorti ordnat li s-sentenza u l-evidenza kollha tintbagħat lill-Ministru Mallia u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja.
Il-każ seħħ meta t-tfajliet kienu qed jaraw il-logħba mit-Tazza tad-Dinja bejn Spanja u ċ-Ċili meta l-bandiera ġiet ma wiċċ wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija, li ħadielhom u għaddieha lill-uffiċjal l-ieħor.
Jirriżulta li waħda mit-tfajliet insulentat lill-uffiċjal u tajritlu l-beritta.
Hawnhekk l-uffiċjali tal-Pulizija arrestaw lit-tfajliet, ħaduhom id-Depot saritilhom strip-search u l-għada tressqu l-Qorti.
Il-Maġistrat għaraf li kien hemm numru ta’ inkosistenzi fix-xhieda tal-uffiċjali tal-Pulizija u saħaq li wara dak li ġara ma jmisshomx jilbsu aktar l-uniformi ta’ Pulizija. 

Ritratt: Media Police