Tisraq żewġ mowbajls mill-isptar; il-Maġistrat jagħtiha ċans

Impjegata li tirrispondi t-telefown fl-Isptar Mater Dei u li wara li serqet żewġ mowbajls ħbiethom taħt ħwejjiġha u fil-basket, ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużata, ta’ 38 sena għandha l-vizzju tad-droga li ilu jaħkimha għal dawn l-aħħar 20 sena.
Hija serqet il-mowbajls tal-amministrazzjoni tal-isptar stess, nhar il-Ħadd li għadda.  Dawn se jiġu rritornati.
Hija tpoġġiet fuq probation ta’ tliet snin, bil-kundizzjoni li ssegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale wissa lill-mara, li jekk tikser il-kundizzjonijiet tal-probation se tidħol fil-problemi bir-riskju li titlef xogħolha.