Tispiċċax is-sekondarja bla ma tkun taf l-opportunitajiet lesti jistennewk

Għat-tielet sena konsekuttiva qed jiġi organizzat l-avveniment I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi, li jagħti ċans lill-istudenti li se jispiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja biex jitgħarrfu dwar korsijiet u toroq li hemm għalihom lil hinn mis-sekondarja.
L-avveniment  beda fi tmiem il-ġimgħa li għadha kif spiċċat f’Għawdex, u jasal Malta fi tmiem dil-ġimgħa.
L-għan ta’ dan l-avveniment huwa li jiġu eżebiti karrieri diversi minn istituzzjonijiet varji bħas-Sixth Form, l-MCAST, l-Istitut għall-Istudju Turistiċi (ITS), u l-Università ta’ Malta fost oħrajn.
L-attenzjoni b’mod individwali hija importanti u f’dan l-avveniment ser ikun hemm tim tal-guidance disponibbli għal sessjonijiet ta’ gwida għal studenti wieħed-għal-wieħed.
Għalkemm dan l-avveniment huwa miftuħ għal kull minn jixtieq jikseb informazzjoni dwar tipi differenti ta’ edukazzjoni li jwasslu għal bosta karrieri, I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi huwa mmirat b’mod speċjali lejn studenti tas-Sena 10 (Form 4), tas-Sena 11 (Form 5), u studenti post-sekondarji li fil-futur qarib se jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet kritiċi dwar il-karrieri futuri tagħhom.
Waqt żjara, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, u l-Ministru għal Gfħawdex, Justyne Caruana, faħħru l-interess li wrew studenti Għawdxin u l-appoġġ tal-ġenituri tagħhom li flimkien mal-organizatturi tal-istituzzjonijiet edukattivi preżenti taw sapport u direzzjoni lil dawn l-istess studenti fejn b’dan it-tagħrif għandhom stampa aħjar dwar aktar edukazzjoni li biha jimmiraw lejn il-karrieri li jixtiequ jibnu.
L-avveniment f’Malta se jinfirex fuq jumejn, il-Ġimgħa li ġejjin bejn l-4pm u t-8pm, u s-Sibt bejn id-9am u l-5pm id-Dar tal-Mediterran tal-Konferenzi l-Belt Valletta.
Għal aktar tagħrif żur is-sit tal-attività.
Ritratti: MGOZ – Terry Camilleri