Tislima speċjali

Oliver-Friggieri

Hekk kif tħabbret il-mewt tal-ġgant tal-letteratura Maltija, Prof. Oliver Friggieri, il-kummenti u t-tifkiriet imlew il-mezzi soċjali. Waħda, iżda ma telgħetx fuq il-mezzi soċjali. Hija għanja ta’ niket u fl-istess ħin ferħ. Logħba bl-isem OLIVER, mill-pinna ta’ xejn anqas mill-Arċisqof Charles Scicluna.

L-Arċisqof poeta jqabbel il-jum imxarrab li fih wieħed mill-aqwa ambaxxaturi tal-Ilsien Malti miet, ma’ bikja li, taħt sema tqil bis-sħab griż laqa’ l-aħħar ħoss tal-leħen ta’ Friggieri. Il-qalb tal-Malti, kiteb l-Arċisqof Scicluna, ‘venvnet’ u tabilħaqq, għax ir-rikonoxximent lejn il-ħidma ta’ Friggieri u l-Ilsien Malti kien wieħed tassew nazzjonali. Minkejja din is-sogħba iżda, l-Arċisqof ra li ruħ Friggieri kienet se tistrieħ fil-hena u fis-sliem fid-‘dawl il-hena ta’ kenn Sidek’.