Is-sensiliet Torok donnhom li qed jiksbu suċċess mal-pubbliku Taljan kif ukoll dak Malti. Wara s-suċċess ta’ Cherry Season u Bitter Sweet, dan is-sajf Canale 5 diġà beda jxandar kuljum DayDreamer u mil-lejla fid-9.25pm, għal tmien ġimgħat, is-sensiela Come Sorelle.
Il-produzzjoni hija ta’ İnci u İsmail Gündoğdu, l-istess produtturi ta’ Bitter Sweet u Cherry Season.
L-istorja se tlaqqagħna ma’ İpek Gencer, tfajla li tkun ġejja minn familja sinjura u li tkun waslet biex tiżżewweġ. Tiskopri permezz ta’ xi ittri, li hija kienet addottata u li għandha żewġ hutha bniet oħra, waħda tabiba u l-oħra kantanta.
Id-destin donnu li se jkun qed jinbidel għal dawn it-tlett nisa, iżda Ipek hija determinata li ma tħalli xejn iwaqqafha milli tagħmel kuntatt ma’ ħutha.
Iżda x’inhu l-passat ta’ dawn it-tlett aħwa? X’qiegħed jostakolahom milli jiskopru l-verità?
Bla dubju din is-sensiela se tmur tajjeb ħafna ma’ dawk li jħobbu jsegwu l-ġeneru ta’ sensiliet bħal Dynasty u Desperate Housewives.