Tisħon il-qiegħa fost il-politiċi Maltin għat-Tazza tad-Dinja

Ftit sigħat oħra u d-dinja tieqaf biex tassisti għall-finali tat-Tazza tad-Dinja bejn l-Arġentina u l-Ġermanja. Il-Membri Parlamentari Maltin ma' min se jżommu llejla? Liema tim jaħsbu li se jirbaħ? Il-gidma ta' Suarez tfakkarhom f'xi ħaġa partikolari?
Newsbook.com.mt tkellem ma' diversi deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Kien hemm minnhom li ma weġbux…Tgħid għax kienu mehdijin jaraw il-logħob?

Liema tim jappoġġjaw?
L-Ingilterra
"Inżomm mal-Ingliżi għax forsi nħobb nissawwat…għax it-this time tal-Ingliżi ma tasal qatt. Qatt ma tawna gost. Jien ukoll għadni qed nipprova nifhem għalfejn nibqa' nżomm magħhom. Għandi problema hux?" Dan qalulna Mario Galea, li bħal dejjem jibrilla bis-sens umoristiku tiegħu.  Iżda Mario jista' jagħmel ftit kuraġġ għax mhux waħdu li jżomm mal-Ingliżi fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Insibu fost l-oħrajn lil David Agius, Robert Arrigo, Leo Brincat, Claudette Buttigieg, Chris Cardona, Robert Cutajar, Tony Agius Decelis u Tonio Fenech. Ta' min jgħid li David mhux minn dejjem kien jappoġġja lit-tim Ingliż. Iva, kien iżomm mat-Taljani, u minħabba li missieru kien referee tal-FIFA u jqisu bħala espert fil-logħba tal-futbol, beda jappoġġja lill-Ingliżi bħalu. 
L-Italja
Għal min jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dejjem qishom kelb u qattus, fejn jidħol il-logħob tat-Tazza tad-Dinja nistgħu ngħidu li huma ħobż u sikkina. It-tnejn li huma jżommu mat-Taljani. Membri Parlamentari oħra bl-istess tim favorit huma Chris Agius, Antoine Borg, Ian Borg, Luciano Busuttil, Justyne Caruana, Joe Cassar, Giovanna Debono, Roderick Galdes, Michael Gonzi, Franco Mercieca, Silvio Parnis u Clyde Puli. 
Il-maġġor parti tagħhom ilhom iżommu ma' dan it-tim minn meta kienet għadha lanqas waqgħetilhom żokrithom. Luciano Busuttil għażel li jżomm mat-Taljani bħal ommu, minkejja li missieru mal-Ingliżi. Jidher li oħrajn ma jidhrux daqstant fanatiċi: Antoine jgħid li ma jżomm mal-ebda tim partikolari imma jissimpatizza mat-Taljani. Meta kien tifel kien beda jżomm mal-Ġermanja għax rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-1990, imma ddeċieda li aħjar jara logħba mingħajr taqtiegħ il-qalb u għalhekk ma jżomm ma' ħadd. Clyde jappoġġja wkoll lit-tim Franċiż. 
Il-Ġermanja:  Jason Azzopardi, Charlo Bonnici u Marthese Portelli huma ffissati fit-tim Ġermaniż. Jason minn dejjem kien jappoġġja lil dan it-tim "għax jammira d-dixxiplina mentali tagħhom, is-serjetà u s-sens ta' konċentrazzjoni f'dak kollu li jagħmlu." Charlo Bonnici ilu jappoġġjahom għal dawn l-aħħar 30 sena għax jammira l-konsistenza u d-determinazzjoni tagħhom.  Marthese Portelli tgħid li qabel l-1990 kienet tappoġġja lill-Ingliżi bħall-familja tagħha, iżda mbagħad għażlet dan it-tim.
L-Olanda: Godfrey Farrugia, Marlene Farrugia u Joe Mizzi…it-tlieta Olandiżi. Godfrey jgħid li għalkemm m'għandux tim favorit, iżomm mal-Olanda minħabba Marlene. Min-naħa tiegħu Joe Mizzi jżomm mat-tim Olandiż "għax għandhom żewġ plejers kapaċissimi." Marlene qalet ma' Newsbook.com.mt li ilha żżomm mal-Olanda minn meta kellha tmien snin.
Min se jirbaħ it-Tazza tad-Dinja skont il-Membri Parlamentari?
Għalkemm diversi Membri Parlamentari fallew fil-previżjoni tagħhom minħabba li qalu li jemmnu li l-Brażil jew l-Olanda se jirbħu t-Tazza tad-Dinja, kien hemm uħud li qatgħu liema timijiet se jaslu sal-finali. 
David Agius, Robert Arrigo, Charlo Bonnici, Chris Cardona, Justyne Caruana, Giovanna Debono, Tonio Fenech, Mario Galea, Marthese Portelli u Clyde Puli jemmnu li t-Tazza llejla tkun f'idejn il-Ġermanja.  Joe Cassar u Franco Mercieca jemmnu li tkun f'idejn l-Arġentina. 
Interessanti kif wieħed mill-MPs fanatiċi tal-Ġermanja, Jason Azzopardi m'esprima l-ebda tbassir dwar illejla. Tgħid superstizzjuż?
Il-gidma ta' Suarez fakkrithom f'xi gidma tajba li qalgħu?
"Il-gidma tal-labour fl-aħħar elezzjoni" – Mario Galea
"Aħna tal-PN qlajna diversi gidmiet mill-poplu u għadni nħoss l-uġigħ tagħhom…imma dik hi l-ħajja politika!" – Claudette Buttigieg
"Gdimt lil sieħbi bħal Suarez, meta konna studenti tal-mediċina" – Michael Gonzi
"Le ħadd qatt ma gidimni. Imma ommi tgħid li meta kont l-iskola kien inqala' argument ma' tifel ikbar minni u kont gdimtu" – Justyne Caruana
"Fil-politika tingidem ta' sikwit u wara 4 leġiżlaturi fil-Parlament, drajthom. Kien hemm min, miskin, inqalagħlu x-xedaq jipprova jigdem għalxejn" – Jason Azzopardi
"Tfakkarni f'gidma ta' kelb li kien qala' ħabib tiegħi meta konna ħafna u ħafna iżgħar" – Chris Agius
"Ingdimt ħafna drabi, imma mhux b'dak il-mod" – Tony Agius Decelis
"Iva, meta klijent barrani ma ħallasx kont kbir" – Robert Arrigo
"Fil-futbol kont goalkeeper  u daqqiet qlajt u tajt ħafna imma qatt ma naf li ngdimt, f'sens litterali għall-inqas" – Charlo Bonnici
"Le, kont qed naċċetta l-fatt li l-Italja ġiet eliminata" – Ian Borg
"Fil-politika trid toqgħod dejjem attent għax taf tingidem mod ieħor jekk ma tkunx attent u viġilanti" – Leo Brincat
"Iktar nieħu l-parti ta' Suarez milli ta' Chiellini. Nippreferi nigdem milli ningidem" – Luciano Busuttil
"Fakkritni fil-gidma storika ta' widnejn Holyfield meta Tyson tela' fuq ir-ring bil-ġuħ" – Chris Cardona 
"Qatt ma gidimni ħadd fiżikament, għalkemm kelli diversi gdim metaforikament" – Joe Cassar

"Nipprova ma niftakarx fiha għax żgur mhux episodju li qatt kellu jew għandu jkun relatat mal-isport. Żgur li ma kienx każ eżemplari għall-miljuni tat-tfal li kienu qed isegwu, aktar u aktar jekk Suarez kien xi idolu tagħhom" – Robert Cutajar
"Iva meta kont għadni żgħira u gidimni kelb" – Giovanna Debono
"Tfakkarni meta t-tim tiegħi kemm lokali u dawk barra l-pajjiż, jitlef b'xi ħaġa simili" – Roderick Galdes
"Nipprova ma nħalli lil ħadd ma jigdimni. Aktar jaqbillek tigdem int, milli jigdmuk!" – Joe Mizzi
"Il-gidma ta' Suarez isservi biss biex tfakkarni f'dak kollu li l-ispirtu sportiv m'għandux ikun" – Clyde Puli
"Le u nittama li ħadd ma jitħajjar jigdimni gidma bħal ta' Suarez" – Marthese Portelli
Lil Carmelo Abela, David Agius, Tonio Fenech, Franco Mercieca u lil Silvio Parnis, il-gidma ta' Suarez ma tfakkarhom f'xejn.
X'jintqal bejn l-MPs dwar it-Tazza tad-Dinja u ġieli raw logħba flimkien?
Minkejja li d-deputati qatt ma raw logħba kollha flimkien, joħroġ ċar li l-battuti u l-inkejja bejniethom fl-aħħar ġimgħat, ma kinux neqsin. Iżda skont Claudette Buttigieg, l-inkejja fil-jiem li għaddew kienet ġejja minn Jason Azzopardi u Charlo Bonnici, minħabba l-Ġermanja.
Chris Cardona qalilna li "dakinhar li nqalgħu t-Taljani konna mistednin tiegħu għall-kunċert, u x'ma għidtx lill-Prim Ministru. Ovvjament wara li hu kien ilu jiġbdilna saqajna meta nqalgħu l-Ingliżi."   Min-naħa tiegħu, Ian Borg qal li l-aktar diskursata li ħa gost fiha kienet wara li t-Taljani rebħu lill-Ingliżi. Iżda "ma tantx gawdjet fit-tul."
Bħala Membri Parlamentari, qatt ma raw logħba flimkien. Madanakollu Chris Agius u Jason Azzopardi nzertaw raw il-logħba ta' bejn il-Ġermanja u Franza, meta kienu mistednin mill-Ambaxxatur Ġermaniż u dak Franċiż biex isegwu l-logħba miegħu.  David Agius u Joe Cassar ġieli raw xi logħob għand ħabib komuni tagħhom.
Franco Mercieca u Ian Borg raw il-partita tal-ftuħ bejn il-Brażil u l-Kroazja minħabba li Ian inzerta kien Għawdex. 
Claudette Buttigieg qalet li żgur qatt ma tikkunsidraha għax jeħduha wisq bis-serjetà!