Tisħon il-qiegħa bejn il-PL u l-PN dwar Daphne Caruana Galizia

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista akkużaw lil xulxin b’insolenza, fi stqarrijiet separati, fir-rigward tal-mod kif qed jesprimu ruħhom wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Għaqda Nisa Laburista li qalu li d-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil wera disprezz lejn il-Membru Parlamentari Laburista, Rosianne Cutajar, meta qal "Issa ħiereġ l-għerf" xħin din qamet titlob kjarifika fil-Parlament għad-diskors ta’ Marlene Farrugia, li qalet li Cutajar bdiet titbissem kull meta ssemma isem Daphne Caruana Galizia fis-seduta.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista wieġeb li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, qed jinsulenta lill-poplu għax minflok jitkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mar Dubaj biex jindirizza seminar dwar iċ-ċittadinanza globali. Qal li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tinsisti li tintrefa’ r-responsabbiltà u li jibda l-proċess biex terġa’ tibda tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ Malta. Iżda, skont il-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru qed jiprova jitfa’ kollox taħt it-tapit, u f’dan il-mument ta’ traġedja nazzjonali, il-prijorità tiegħu hi li jbiegħ iċ-ċittadinanza ta’ Malta.