Tisfronda ġebla f’kappella; titfaċċa niċċa

Bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr u renovazzjoni ġewwa l-kappella fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija f’Għawdex.
Waqt ix-xogħol fil-kappella nstabet niċċa oriġinali fi stat tajjeb ħafna wara li sfrondat ġebla malli tneħħa l-kwadru titulari minn fuq l-artal maġġur.
Ġie deċiż li n-niċċa terġa’ tikseb il-glorja li jixirqilha filwaqt li l-kwadru se jitpoġġa fil-ġenb tal-artal.
Dan iċ-ċimiterju huwa l-uniku wieħed pubbliku f’Għawdex u matul iż-żmien tkabbar diversi drabi. Huwa mifhum li hemm madwar 1,152 qabar li l-parti l-kbira tagħhom huma privati.
F’dawn l-aħħar erba’ snin saru diversi opri ġodda f’dan iċ-ċimiterju, fosthom il-bieb tal-entratura, żewġ platform lifts u żewġ statwi magħmula mill-ġebla Maltija.