Tisbiħ għall-housing estates f’Ta’ Paris f’Birkirkara

DOI - Clifton Fenech

Iż-żona tal-housing estates fl-inħawi Ta’ Paris f’Birkirkara bħalissa għaddejja minn proġett ta’ riabilitazzjoni u tisbiħ bil-valur ta’ nofs miljun Ewro.

Fi stqarrija konġunta mill-Ministeru għall-Infrastruttura, is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali u dak għall-Gvern Lokali ġie spjegat li x-xogħol jinkludi 2,500 metru kwadru ta’ pavimentar, landscaping, tisbiħ ta’ spazji miftuħa u bandli ġodda.

Il-Ministru Ian Borg spjega li Birkirkara għaddiet minn numru ta’ proġetti. Semma kif kien hemm l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien l-Istazzjon u Ġnien Lippu Sammut. Semma wkoll l-investimenti infrastrutturali fejn diġà sar il-bini mill-ġdid ta’ Triq is-Santwarju, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq Triq Mike Pulis, Triq Tumas Fenech, Triq il-Ħerba u Triq il-Ferrovija l-Antika. Intant qal li mistennija tibda ħidma fuq Triq il-Qattus, filwaqt li għat-tieni sejħa ġew inklużi wkoll tliet toroq oħra fil-lokalità ta’ Birkirkara.