Tisbieħ ta’ 33 triq fil-kampanja Maltija

MTIP

Propju minn Mejju ‘l hawn tlesta madwar 15% tax-xogħol ippjanat li se jwassal għal tiġdid ta’ 33 triq rurali madwar Malta. Dan ħareġ minn stqarrija tal-Ministeru għall-Infrastruttura li spjega li t-toroq jintużaw kemm mill-bdiewa kif ukoll bħala rotot sekondarji bejn lokalità u oħra. Medda ta’ 30 kilometru ta’ toroq se jiġu mibnija mill-ġdid.

Ix-xogħol inbeda mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta u tkompla minn Infrastructure Malta. It-toroq li s’issa tlestew jinkludu Triq ir-Remel f’Ħaż-Żebbuġ, it-triq li twassal għax-xtajta ta’ St Peter’s Pool f’Marsaxlokk, triq oħra mingħajr isem fl-inħawi ta’ Triq San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar, Trejqet Kostinjuż fin-Naxxar, it-triq fl-inħawi ta’ San Niklaw bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi u Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa.

Fl-istqarrija ntqal li bħalissa għaddej xogħol fuq 10 kilometri oħra, li jinkludu Triq Ħal Far u Triq Bengħajsa fiż-Żurrieq, it-triq ta’ maġenb l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-inħawi ta’ Ħal Safi, Triq iż-Żinżell f’Wied il-Għajn, Triq il-Kotob u Triq Santu Kristu fiż-Żejtun, Triq l-Għarix u parti minn Triq San Niklaw fil-Qrendi, Triq iċ-Ċens l-Iswed u Triq Wied il-Bużbież fl-Imtaħleb, Triq il-Palma bejn il-Mellieħa u l-Imġarr, parti minn Triq Xrobb l-Għaġin bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk, kif ukoll triq rurali oħra fl-inħawi taż-Żebbuġ f’Marsaxlokk ukoll.

Ix-xogħol mistenni jibda fuq il-bqija tat-toroq biex il-proġett jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla. Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li “x-xogħol fuq it-toroq rurali  huwa investiment essenzjali għall-bdiewa Maltin, għar-residenti li jużawhom bħala rotot sekondarji, għaċ-ċiklisti u wkoll għal kull min jimxi u jagħmel l-eżerċizzju f’dawn it-toroq.”