Tirriżenja l-Kummissarju Nominat Sloven

Irriżenjat il-Kummissarju Nominat min-naħa tas-Slovenja, li din il-ġimgħa m’għaddietx mill-fażi tal-grilling tal-Ewroparlamentari, u li kienet se tingħata l-kariga ta’ Viċi-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea.
Fi stqarrija, Jean Claude Juncker qal li għandu rispett kbir għad-deċiżjoni ta’ Alenka Bratušek.
Iddeskriviha bħala deċiżjoni li turi l-impenn tagħha lejn l-Unjoni Ewropea, is-Slovenja u l-proċess demokratiku.
Kieku ma rriżenjatx, l-eks kandidata tas-Slovenja kienet se tipperikola l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kollha hekk kif il-Parlament Ewropew normalment jiġi mitlub jivvota b’vot wieħed kollettiv.
Alenka Bratušek ġiet rifjutata b’mod qawwi mill-Ewroparlamentari wara dak li kien meqjus bħala l-agħar eżami ta’ Kummissarji Nominati din id-darba, b’vot ta’ 112 kontra u 13 favur.