Tirriżenja minn kummissarju għall-vjolenza domestika

Simone Azzopardi se tkun qed tħalli l-kariga ta’ Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika minħabba raġunijiet personali.

Stqarrija tal-gvern tgħid li tul is-17-il xahar li għamlet isservi f’din il-Kummissjoni, Azzopardi kienet kommessa li taħdem qatigħ biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, u biex jitnaqqsu l-abbużi relatati. Ħadmet fil-qrib tal-vittmi kif ukoll ressqet il-Kummissjoni aktar qrib l-organizazzjonijiet volontarji li jaħdmu fis-settur.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-kummissjoni kompliet titjieb permezz tar-riżorsi meħtieġa biex tkun aktar effettiva fil-ħidma tagħha u żdiedet l-allokazzjoni finanzjarja f’dan is-settur bi kważi 75%.