​Tirriżenja d-Direttriċi tal-Komunikazzjoni tal-White House

Id-Direttriċi tal-Komunikazzjoni tal-White House Hope Hicks se tirriżenja.
Skont il-BBC, Hicks li għandha 29 sena kienet ilha taħdem ma’ Trump għal numru ta’ snin. Ġie rrappurtat li qalet lill-kollegi tagħha li hi tħoss li rnexxielha tikseb dak kollu li setgħet fil-White House. Hicks hija r-raba’ persuna li serviet bħala l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-White House taħt l-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump.
Il-kelliema għall-White House Sarah Sanders qalet li għadu mhux magħruf meta Hicks se tkun qed tirriżenja eżatt. Żiedet tgħid li r-riżenja m’għandhiex konnessjoni max-xhieda li tat lill-Kumitat tal-Intelliġenza nhar it-Tlieta.
Kien ġie rrappurtat li Hicks kienet qalet lill-Kumitat li ġieli kienet qalet gidbiet żgħar (white lies) lill-Trump. Hicks ċaħdet li gidbet dwar l-investigazzjoni dwar l-allegat indħil Russu fl-elezzjoni tal-2016 tal-Istati Uniti.