Tirritorna l-Fastest 5: din is-sena, ikbar u isbaħ!

Raptorz Running Club fakkar li t-tellieqa Fastest5 reġgħet waslet, "u din is-sena se tkun akbar u isbaħ!" 
Fi stqarrija l-klabb qal li wara s-suċċess kbir tal-ewwel edizzjoni s-sena li għaddiet, qed iniedi t-tieni edizzjoni ta’ din it-tellieqa ta’ 5km, li se ssir fl-20 ta’ Mejju 2018.
Għal darb’oħra, Fastest5 se tkun tellieqa f’rotta veloċi ħafna minħabba li hija prattikament nieqsa minn tlajja', madwar it-toroq ta’ Santa Venera u Birkirkara bi tmiem spettakolari madwar it-track tal-atletika ta’ San Alwiġi.
Din it-tip ta’ tellieqa hija ideali biex l-aqwa atleti kif ukoll dawk li jħobbu l-ġiri bħala delizzju jtejbu r-rekords personali jew staġjonali tagħhom. F’kumment dwar it-tnedija ta’ dan l-avveniment, il-President ta’ Raptorz Darren Vandit spjega li: “is-sena l-oħra l-klabb esperjenza suċċess kbir bit-tellieqa, kemm mill-fatt li 300 atleta kkompetew, kif ukoll mill-kummenti pożittivi mogħtija. Iżda l-klabb ma straħx fuq dan is-suċċess, iżda bena fuqu, ħadem aktar u attira aktar sponsors għal dan l-avveniment. B’hekk irridu nwasslu edizzjoni ikbar u aqwa għall-entużjasti kollha”.
Aktar informazzjoni dwar Raptorz Running Club u Fastest5 huma disponibbli hawn.