Tirrikatta negozjant miżżewweġ b’filmati għal karozza ta’ €60,000

Studenta ta’ 23 sena ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li ppruvat tirrikattat raġel miżżewweġ għal karozza li tiswa €60,000 b’filmati u ritratti.

Essoutouti Asia mill-Ġermanja ltaqgħet mal-vittma li huwa negozjant Malti meta dan kien il-Ġermanja.

Huwa mifhum li waqt li dawn kienu fil-kumpanija ta’ xulxin fil-Ġermanja huwa kkonsma ammont sostanzjali ta’ xorb. Jidher li nġibdu xi filmati u ritratti li ntużaw miż-żagħżugħa biex tirrikattah hekk kif din ħaditlu wkoll l-passport u l-karta ta’ kreditu fost affarijiet oħra. Kien biss wara li ħallasha bejn €15,000 u €20,000 li tatu l-affarijiet tiegħu lura.

L-istudenta kompliet tirrikatta lir-raġel anke meta dan ġie Malta fejn bgħatitlu ritratt ta’ ultrasound. Allegat li kienet qed iġġorr it-tarbija tiegħu.

Wara, ġiet Malta fejn kienet qed toqgħod f’lukanda f’Paceville u talbet lill-vittma jagħtiha karozza b’valur ta’ €60,000. Hi spiċċat arrestata fit-3 ta’ April.

Il-prosekuzzjoni qalet li waqt l-interrogazzjoni t-tfajla ammettiet dak li ppruvat tagħmel f’Malta, jiġifieri li tirrikata lir-raġel. Qalet lill-Pulizija li l-ultrasound kien tat-tarbija ta’ oħtha.

It-tfajla ġiet akkużata li ppruvat tirrikata lir-raġel, iżda ma rnexxilhiex.

L-avukat tal-vittma talab lill-Qorti li l-mowbajl tal-istudenta jiġi kkonfiskat u jinqered u miegħu jinqerdu l-filmati, ir-ritratti, u l-messaġġi bejniethom.

Il-prosekuzzjoni talbet li t-tfajla tingħata sentenza sospiża hekk kif ir-reat seħħ fil-Ġermanja iżda f’Malta ma rnexxilliex. Il-Qorti kkunsidrat li t-tfajla kellha kondotta nadifa, ikkoperat mal-Pulizija kif ukoll li ammettiet ir-reat.

L-avukat tal-għajnuna legali qal li t-tfajla ddispjaċiha għal dak li għamlet.

Il-Qorti kkundanat it-tfajla għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal 4 snin. Il-Qorti ordnat ukoll li l-mowbajl jiġi kkonfiskat u distrutt, hekk kif mitlub ukoll mill-prosekuzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni kienet immexxiha mill-Ispettur Elton Taliana. L-avukat tal-għajnuna legali Joseph Ellis deher għall-akkużata. L-avukat Joe Giglio deher għall-vittma. Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.