Tiri sparati biex iferrxu mijiet ta’ dimostranti fi Tripli

FILE PHOTO: REUTERS/Ismail Zitouny

Read in English.

Irġiel armati, il-Ħadd sparaw fl-arja sabiex iferrxu mijiet ta’ dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra l-kundizzjonijiet ta’ għixien u kontra l-gvern fil-kapitali Libjana ta’ Tripli, skond xhud minn Reuters.

Id-dimostranti mxew lejn il-binja ċentrali tal-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali (GNA) sabiex jesprimu r-rabja tagħhom għal dik li qed isejjħu bħala “mewt bil-mod” minħabba l-kollass tas-servizzi pubbliċi, il-korruzzjoni u l-pressjoni ekonomika. Minn hemm imbagħad irħewla lejn il-pjazza ċentrali fi Tripli fejn tferrxu bl-isparar u aktar tard, iż-żona ingħalqet b’sigurtà stretta.

Il-Ministru ta’ l-Intern waħħal fl-“infiltrati” għall-vjolenza kontra l-protesti paċifiċi fejn ħadd ma weġġa’ u li dwarhom, bdiet investigazzjoni.

Il-protesta seħħet jumejn wara li l-Prim Ministru tal-GNA Fayez al-Sarraj ħabbar waqfien mill-ġlied waqt il-kunflitt twil fil-Libja u sejjaħ lill-awtoritajiet rivali fil-Lvant tal-pajjiż sabiex jerġgħu jiftħu s-suq taż-żejt.

Għal aktar minn ħames snin, il-Libja ilha maqsuma f’kampijiet rivali fil-lvant u l-punent. F’Ġunju, l-għajnuna militari mit-Turkija lill-GNA sfurzat lill-Armata Nazzjonali Libjana fil-Lvant tirtira wara 14-il xahar ta’ attakki fuq Tripli.

L-Armata Nazzjonali Libjana ilha tirċievi għajnuna mill-Emirati Għarab Magħquda, mill-Eġittu u r-Russja f’kunflitt li qed joħroġ fil-beraħ ir-rivalitajiet reġjonali tal-pajjiż. F’dawn l-aħħar ġimgħat tfasslu fruntieri madwar il-belt ta’ Sirte fuq il-kosta ċentrali tal-Libja u f’Jufra fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Il-kelliem għall-Armata Nazzjonali Libjana Ahmed al-Mismari sejjaħ l-aħbar ta’ waqfien mill-ġlied ta’ Sarrajbħala skuża.

“L-inizjattiva li ħabbar Sarraj hija waħda purament biex jagħti impressjoni differenti,” qal Mismari. “Nafu li qed tiżdied l-attività militari u qed jinġarr ħafna apparat sabiex jiġu attakkati l-forzi tagħna f’Sirte.”

Mismari m’għamel l-ebda referenza għal talba oħra għal waqfien mill-ġlied li saret nhar il-Ġimgħa li għaddewmill-kap tal-parlament fil-Lvant tal-Libya Aguila Saleh.

Sa minn meta rtirat l-Armata Nazzjonali Libjana, Saleh sar iżjed influwenti mill-kmandant ta’ l-LNA Khalifa Haftar.

Uħud mid-dimostranti fi Tripli żammew bnadar bojod biex juru li m’huma qed jappoġġjaw l-ebda fazzjoni Libjana, filwaqt li ġarrew ukoll ritratti ta’ Sarraj, Haftar u Saleh b’wiċċhom maqtugħ bl-aħmar.