Tirdoppja n-nefqa tal-Gvern fl-iskejjel tal-Knisja f’10 snin – NAO

Ir-rapport annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) juri li n-nefqa tal-Gvern fuq l-iskejjel tal-Knisja rdoppjat f’għaxar snin u laħqet €63 miljun.
​Madanakollu ma setax jivverifika jekk din l-ispiża kinitx awtorizzata minħabba dak li sejjaħ nuqqas ta’ sekwenza tat-tranżazzjonijiet.
Filwaqt li l-ispiża totali rduppjat f’10 snin, il-popolazzjoni tal-istudenti żdiedet biss bi 3%. Dan ifisser li l-ispiża totali ras għal ras żdiedet minn €1,923 għal €3,680.
F’Malta hawn 39 skola tal-knisja li bejniethom jgħallmu 17,120 student.
Skont il-ftehim tal-1991 bejn il-Gvern u s-Santa Sede, il-Gvern iħallas il-pagi tal-għalliema kollha, tal-ħaddiema mhux akkademiċi u jkopri 10% tal-ispejjeż ġenerali.
Fil-verifika tiegħu, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara sab numru ta’ nuqqasijiet biex seta’ jevalwa u jiċċertifika li n-nefqa saret skont il-proċeduri fis-seħħ. Huwa qal li ma sabx id-dokumentazzjoni li tiġġustifika l-proċess baġitarju; ma sabx lanqas rekords uffiċjali li jiġġustifikaw kif tinħadem l-allokazzjoni tar-riżorsi u lanqas ma kien hemm breakdown ta’ kemm intefqu f’pagi ffinanzjati mill-istat. Dan wassal ukoll biex il-flejjes ma ġewx rikonċiljati.
Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, l-Awditur Ġenerali jsemmi li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu l-ħsieb li jibdel il-proċedura ta’ kif jalloka l-fondi darbtejn fix-xahar lill-iskejjel tal-Knisja. Qal li s-sistema ta’ ‘envelope funding’ tista’ tissimplifika l-proċess għaż-żewġ partijiet, iżda li dan jaf ikollu implikazzjonijiet legali li joħorġu mill-ftehim tal-1991. 
Dwar l-edukazzjoni, ir-rapport juri wkoll li minn spezzjonijiet li saru f’numru ta’ skejjel f’Għawdex, ġew innutati nuqqasijiet fil-kontroll tal-inventarju.
Ir-rapport għall-2016 tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati fl-aħħar jiem, wara li l-Awditur Ġenerali bħala uffiċjal tal-Parlament ippreżenta r-rapport lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Ritratt: Arkivji