Tirbaħ €160,000 f’kumpens mill-Qorti Ewropea

Mara residenti Ħal Balzan rebħet €160,000 f’kumpens mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, fuq każ b’rabta ma’ esproprijazzjoni ta’ proprjetà fil-Belt Valletta.

Il-każ ta’ Agnes Gera de Petri Testaferrata Bonici Għaxaq imur lura għall-1958 meta l-Gvern ħa l-proprjetà tal-mara, Palazzo Bonici, li jinsab biswit it-Teatru Manoel.

Bħala kumpens il-Gvern kien se jagħti lill-mara pagament annwali.

Il-mara fetħet il-każ wara li l-proċeduri ħadu iktar minn 30 sena biex ġew konklużi, għalkemm il-Qorti Kostituzzjonali f’Malta tagħta raġun, iżda xorta baqgħet mingħajr kumpens.