Tiqsar is-sentenza tar-raġel li ffalsifika l-firma ta’ ħuħ

Miguela Xuereb

Il-Qorti tal-Appell naqqset is-sentenza ta’ raġel li ffalsifika l-firma ta’ ħuħ fuq dokument uffiċjali.

George Grech, raġel ta’ 50 sena, kien instab ħati bl-iffalsifikar ta’ dokument biex vettura impurtata tgħaddi għand dealer lokali.

Peress li Grech ma kienx jaf juża l-kompjuter, qabbad lil ħuħ biex iġiblu l-vettura mill-Ingilterra. Intant qabbad dealer biex ibigħlu l-vettura. Din ġiet trasferita għal fuq id-dealer biex Grech ma jkollux għalfejn iħallas multi peress li ma kinitx reġistrata Malta.

It-trasferiment sar direttament minn ħu Grech għal għand id-dealer. Però nqala l-inkwiet minħabba l-ħlas u Grech fetaħ kawża ċivili kontra d-dealer. Meta ġew ippreżentati d-dokumenti l-firma falza ġiet identifikata.

Ħu l-akkużat xehed li l-firma tal-ftehim tat-trasferiment ma kinitx tiegħu. Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat li ssir investigazzjoni.

L-akkużat u d-dealer spiċċaw jaffaċċjaw azzjoni kriminali separata. Grech instab ħati u weħel sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Wara ssottometta appell.

Il-Qorti tal-Appell sabet li l-prosekuzzjoni ma kinitx ipprovat li l-firma falza ħolqot xi preġudizzju ta’ gwadann illeċitu. Il-ħtija ta’ Grech tal-iffalsifikar ta’ dokument uffiċjali ġiet ikkonfermeta però nħeles mill-iffalsifikar ta’ kitba privata b’rabta mal-bejgħ. Is-sentenza tiegħu naqset għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal sena.

L-avukat ta’ Grech kien David Gatt.