Tiqliel il-ġlieda għall-ħakma ta’ Tripli; imutu iżjed nies

Il-forzi Libjani tal-Lvant ippruvaw jilħqu ċ-ċentru ta’ Tripli llum wara li n-numru ta’ mwiet żdied huma u għaddejjin mid-deżert.

Fil-Libja, reġgħet ħakmet il-gwerra ċivili, wara l-waqgħa ta’ Muammar Gaddafi fl-2011. Il-gwerra qed thedded il-provvisti taż-żejt u l-gass, l-immigrazzjoni fl-Ewropa u qed tħalli lill-militanti Iżlamiċi jieħdu vantaġġ minn dan il-kaos.

L-Armata Nazzjonali Libjana tal-Lvant, immexxija minn Khalifa Haftar, mitulha 19-il suldat fl-aħħar jiem, meta qorbu lejn il-Gvern fi Tripli. In-Nazzjonijiet Uniti qalu li 2,800 persuna telqu minn djarhom, u hemm ċans li dan in-numru jikber.

Il-Gvern tal-Prim Ministru Fayeż al-Serraj għandu gruppi armati ġejjin minn Misrata biex jimblukkaw lill-armata ta’ Haftar.

Tal-anqas 2,200 persuna ħarbu minn Nofsinhar ta’ Tripli mill-4 t’April skont uffiċċju umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti. Ħafna persuni spiċċaw maqbuda jew ma kellhomx aċċess għal servizzi ta’ emerġenza.

Ir-rapport maħruġ min-Nazzjonijiet Uniti jgħid li dan iċ-ċaqliq tan-nies jaf jirriżulta f’bidla sinifikanti fil-populazzjoni. Qal ukoll li l-aġenziji fil-post għandhom biżżejjed provvisti mediċi ta’ emerġenza u ta’ trawma biex jgħinu lil 210,000 individwu u 900 każ fi 3 xhur.