Aġġornata: Tiqliel il-ġirja għall-presidenza fl-MUT bi protest ġudizzjarju

Il-kandidat għall-post ta’ President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), Franklin Barbara, ressaq protest ġudizzjarju li se jiżgura li l-proċess elettorali fi ħdan l-MUT jkun wieħed aktar ġust u trasparenti.
Din l-istqarrija ta’ Barbara ġiet wara li jumejn ilu, kandidat ieħor għal president tal-MUT, Marco Bonnici, akkuża lil Barbara u ħbieb oħra tiegħu li qed jimminaw l-awtorità waqt il-proċess sabiex jintlaħaq president ġdid tal-unjin.
Għal dan, Barbara wieġeb b’post fuq Facebook, li l-insinwazzjonijiet ta’ Bonnici ma kienu vera xejn.
Huwa sostna, fost l-oħrajn, li l-laqgħa li kellu mal-bord elettorali, liema laqgħa Bonnici qal li saret bil-moħbi, kienet ferm qasira u kienet biss dwar kif se jirrispondi għall-ittra li rċieva mill-bord stess. Din l-ittra kienet titkellem dwar il-laqgħa li saret dakinhar stess.
Barbara qal li Bonnici qed jipprova biss iħammeġ ir-reputazzjoni tiegħu.
L-istqarrija ta’ Barbara għalqet billi rringrazzja lill-bord elettorali tax-xogħol volontarju li qed jagħmlu, kif ukoll irringrazzja lill-membri għas-sapport tagħhom.
Intant Marco Bonnici fi stqarrija qal li jiddepplora la-takk li sar fuqi u fuq kandidati għall-elezjoni minn persuni qrib Franklin Barbara li kienu qed jistennew barra l-uffiċji tal-Union.
Fir-ritratt: Franklin Barbara (xellug) u Marco Bonnici (lemin)