Tipprova taħrab mill-pulizija f’Paceville; tinżamm arrestata

Mara li kienet xhud għal fastidju sesswali allegat ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest, peress li hi akkużata li heddet lill-pulizija u li m’obditx l-ordnijiet tal-pulizija wara li ppruvat taħrab meta kienu qabduha.

Il-mara ta’ 30 sena minn Spanja allegatament kienet fi Triq il-Wilġa f’Paceville flimkien ma’ raġel mis-Somalja meta dan allegatament ta fastidju lil mara oħra. Hu mifhum li l-mara oġġezzjonat li twieġeb il-mistoqsijiet tal-pulizija dalgħodu, u ppruvat taħrab mill-karozza tagħhom. Hija qalgħet għagħa sħiħ fl-għassa tal-pulizija f’San Ġiljan.

L-Ispanjola tressqet il-qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace dalgħodu. L-avukat tal-għajnuna legali tal-mara qal li hi jaf tkellmet żejjed mal-pulizija, imma dan ma kienx ifisser li ma kellhiex tingħata ħelsien mill-arrest.

Madankollu, il-mara li ilha Malta minn nhar it-Tnejn biss, ma setgħetx tiftakar l-indirizz eżatt tagħha, ħlief il-fatt li kienet qiegħda toqgħod f’appartament f’Tas-Sliema. Għalhekk, il-Qorti qalet li ma kellhiex għażla oħra ħlief li żżomm lill-mara arrestata.

Ir-raġel Somaljan għandu jitressaq il-qorti fil-jiem li ġejjin.