Tipprova ġġib l-irqad ta’ ġimgħa fil-weekend? Attent

Studju li ġie ppubblikat ftit ġranet ilu juri li persuni li matul il-ġimgħa jorqdu ftit u jpattu għalih fi tmiem il-ġimgħa jistgħu jkunu qed jagħmlu ħsara għal saħħithom.

Studju li sar fl-Università ta’ Colorado wera li dawk li fi tmiem il-ġimgħa jorqdu iktar żiedu fil-piż kif ukoll naqset il-livell ta’ insulina f’ġisimhom.  L-istudju sar fuq medda ta’ ġimagħtejn u pparteċipaw 36 adult. Huma kienu maqsuma fi tliet gruppi. L-ewwel grupp kien jorqod disa’ sigħat kuljum, it-tieni grupp kien jorqod 5 sigħat kuljum u t-tielet grupp kien jorqod ħames sigħat matul il-ġimgħa u jumejn oħra setgħu jorqdu kemm iridu.

Il-gruppi li kienu jorqdu inqas meta kkomparati ma’ dawk li kienu jorqdu disa’ sigħat kienu jieklu iktar matul il-lejl, żiedu fil-piż u naqas il-livell ta’ insulina. Chris Depner assistent professur  fl-Università ta’ Colorado qal li matul dan l-istudju ma rawx differenza fil-metaboliżmu tal-persuni li raqdu iktar matul tmiem il-ġimgħa.

Hemm diversi studji li juru kemm huwa importanti li persuna torqod ammont tajjeb ta’ sigħat biex tkun b’saħħitha. Skont il-Fondazzjoni Nazzjonali tal-Irqad persuni adulti bejn it-18 u l-64 sena għandhom bżonn bejn seba’ u disa’ sigħat filwaqt li persuni ‘l fuq minn 65 sena għandhom bżonn bejn seba’ u tmien sigħat.