Iddaħħal pakkett ta’ kotba u kannabis; tinżamm arrestata

Photo: Archives

Mara nżammet arrestata wara li allegatament daħħlet il-kannabis f’Malta f’pakkett ta’ kotba li rċeviet mill-Istati Uniti.

Il-pulizija saru jafu b’dan il-każ mingħand tad-Dwana. Huma mbagħad poġġew xi ħaġ’oħra minflok il-pakkett tal-kannabis ta’ 600 gramma.

L-akkużata ta’ 29 sena mill-Madliena rċeviet il-pakkett fir-residenza tagħha, u fetħitu biex tiċċekkja x’fih.

Il-pakkett suppost kien fih 4 kotba, iżda tad-Dwana sabu fih 3 kotba u xi ħaġa mgeżwra fil-plastik. Fil-fatt, kien fih 3,000 joint, għalhekk jidher li din id-droga ma kinitx għall-użu personali tal-akkużata.

L-akkużata qalet li mhix ħatja. L-avukat tagħha qal li jekk ma tingħatax ħelsien mill-arrest, il-Qorti tkun qed tibgħat persuna li għadha titqies innoċenti l-ħabs. Barra minn hekk, il-klijenta tiegħu kellha kondotta nadifa, tgħix f’Malta, u għandha xogħol hawnhekk.

Madankollu, il-Maġistrat ma tahiex ħelsien mill-arrest, għax għad hemm numru ta’ nies li jridu jixhdu fil-każ.