“Tippretendux li Malta terfa’ piż li mhux tagħha” – Muscat fuq l-immigranti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta m’għandhiex tispiċċa vittma tal-pajjiżi Ewropej l-oħra billi “terfa’ piż li mhux tagħha” u ddaħħal immigranti li m’għandhiex kompetenza jew responsabbiltà lejhom. Huwa kien qed jitkellem dwar id-49 immigrant Libjan abbord Sea-Watch 3 bħalissa, li għadhom bejn sema u ilma.

Waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio, Joseph Muscat qal li ċ-“ċkejkna Malta” ma tistax tpaxxi lil min jagħmilha “tal-buli” billi ddaħħal immigranti li ma jkunux responsabbiltà tagħha minħabba li ma jkunux fl-ibħra li jagħmlu ma’ Malta. Kompla jgħid li faċli wieħed jagħmilha tal-“qaddis tal-Milied” u biex jikkuntenta lil kulħadd, jaċċetta li jdaħħal lil dawn l-immigranti Malta, iżda Frar jasal, u x-xhur l-oħra warajh, u l-Ewropa tibqa’ tistenna li Malta tagħmel l-istess f’kull sitwazzjoni.

Muscat sostna li l-importanti għalih huwa li jsib bilanċ bejn il-ħajjiet li qegħdin isofru u s-sigurtà nazzjonali. Fakkar li Malta kienet diġà daħħlet 249 immigrant fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet “għax kien id-dover tagħna nagħmlu hekk.” Madankollu, insista li Malta ma tistax issir ċentru fil-Mediterran li l-NGOs li ma jsegwux ir-regolamenti jirrikorru għalih meta l-pajjiżi l-oħra jagħlqulhom il-portijiet.

Fit-2 ta’ Jannar, Malta tat permess lil Sea-Watch 3 biex joqrob lejn il-Gżejjer Maltin sabiex jistkenn mill-maltemp qalil. 

Lil hinn mill-immigrazzjoni, Muscat qal li l-Gvern ma kkuntentax b’dak li wettaq fl-2018, u beħsiebu jwettaq iżjed riformi f’kull qasam tal-ħajja fl-2019. Ewlenin fosthom hemm ir-riformi ekonomiċi, li bihom Muscat qal li jixtieq li jżid il-pensjonijiet, pereżempju billi jgħin lil dawk in-nisa li ma jkunux ħallsu biżżejjed bolol. Semma wkoll li wara li l-Pulizija żdiedu fil-paga, issa qegħdin isiru diskussjonijiet ma’ fergħat oħra tas-sigurtà għal żidiet fil-paga.