Tippersisti l-kesħa u s-silġ fir-Renju Unit; Ryanair tħassar titjiriet

Il-maltemp fir-Renju Unit kompla jintensifika fl-aħħar ġranet b’aktar maltempati ta’ silġ madwar il-pajjiż kollu u issa anke beda jaħkem numru ta' pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali.
L-aktar maltempata ta’ silġ kienet reġistrata f’Wales fejn niżel aktar minn 30cm ta’ silġ.
Kumpanija ewlenija li tissupplixxi d-dawl fl-Ingilterra waqfet taħdem bil-konsegwenza li eluf ta’ residenti baqgħu bla dawl għal numru ta’ sigħat.
Rapporti lokali mir-Renju Unit qalu li dewmien fl-ivvjaġġar bil-karozza, bil-ferrovija u bl-ajru huma mistennija għall-parti l-kbira tal-ġurnata, b'xi runways tal-ajruport imblukkati. Numru ta’ titjiriet ġew ikkanċellati, bl-effett jinħass anki f’Malta.
Il-linja tal-ajru Ryanair ikkanċellat tliet titjiriet filwaqt li oħrajn damu ma’ telqu. It-tijiriet kienu ġejjin miż-żewġ ajruporti ta’ Londra, Luton u Stansted u Birmingham.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Dawn il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fir-Renju Unit wasslu wkoll biex is-servizzi tal-ferrovija ġew sospiżi, kkanċellati jew kien hemm dewmien.
Fi tweet, il-Pulizija Ingliża avżat biex dawk li m’għandhomx għalfejn joħorġu mid-dar, jibqgħu ġewwa u jgawdu l-ikla tal-Ħadd.