Tinżel ix-xita fit-Teatru Manoel

Il-ħaddiema tat-Teatru Manoel spiċċaw jixxuttaw l-ilma tax-xita li niżel mis-saqaf tat-Teatru. Iċ-Ċermen tat-Teatru Michael Grech ikkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u qal li spiċċa dieħel l-ilma minħabba li katusa fuq is-saqaf tat-Teatru ma laħqitx mal-ilmijiet li niżlu fl-aħħar sigħat.

Dak il-ħin kienu għaddejjin il-preparamenti għal kunċert li se jsir illejla, b’diversi mużiċisti spiċċaw jevakwaw il-palk. L-evakwazzjoni dehret f’filmat li ttella’ għal ftit minuti fuq Facebook iżda li ma baqax jidher għall-pubbliku f’mhux anqas minn siegħa.

Mir-ritratti li ntbatu lil dan is-sit minn Grech jidher li fejn il-katusa hemm is-sistema l-ġdida ta’ tibdil fil-klima li tpoġġiet fl-aħħar xhur b’investiment ta’ 1.8 miljun ewro b’fondi Ewropej.

Newsbook.com.mt prova jieħu l-kummenti tal-Kap Eżekuttiv Elizabeth Ebejer iżda minflokha wieġeb il-mowbajl tagħha iċ-Ċermen u qal li Ebejer ma kinitx disponibbli li tagħti kummenti. Grech saħaq għal diversi drabi li ma kienx hemm ħsarat u qal li “lanqas biss ma xxarbet il-main curtain”.

Qal li huwa flimkien mal-Kap Eżekuttiv kienu fit-Teatru biex jaċċertaw li ma ssirx ħsara.