Tinżamm fuq il-magni biex issalva t-tarbija fil-ġuf

Mara ta’ 36 sena f’Milan qed tinżamm fuq il-magni fl-isptar minkejja li klinikament hi diġà mejta.
Ir-raġuni hi li l-mara għandha ħames xhur tqala u fadal mill-inqas 4 jew 5 ġimgħat biex it-tarbija tkun tista’ tiġi mwellda bit-tama li tgħix.
B’hekk qed isir kull tentattiv biex it-tarbija titwassal sal-inqas żmien possibbli biex imbagħad tinħareġ mill-ġuf waqt li probabbli l-omm tmut.
Dan hu mument kruċjali għat-tarbija li bħalissa qed tifforma l-organi tagħha.
L-omm iddaħħlet l-isptar San Raffaele ftit ġranet ilu fi stat qawwi ta’ emoraġija interna li laqtitha ħabta u sabta waqt li kienet id-dar.
Issa hi mwaħħla ma’ pajpijiet apposta li jżommuha tieħu n-nifs b’mod artifiċjali waqt li pajpijiet oħra direttament fl-imsaren qed ifornu lill-fetu bl-ikel li għandu bżonn.