Tinżamm arrestata wara li serqet b’€930 fi flus u chequebook minn ħanut

Avukat ikkritika fil-Qorti n-nuqqas ta’ għajnuna li qed jaffaċċjaw eksħabsin biex jidħlu lura fis-soċjetà.
L-avukat kien qed jidher għal mara ta’ 42 sena li tressqet quddiem il-Qorti akkużata li serqet b’€930 fi flus u chequebook minn ħanut fin-Naxxar.
Fil-Qorti ntqal li l-mara użat ċekk biex xtrat apparat elettroniku b’valur ta’ €929 u mowbajl li kien jiswa €783 minn żewġt iħwienet fil-bypass ta’ Birkirkara.
Hija kienet mixlija wkoll li kissret il-kundizzjonijiet imposti fuqha minn sentenzi oħra tal-Qorti.
L-akkużata wieġbet li ma kinitx ħatja u t-talba għall-ħelsien mill-arrest ma ġietx milqugħa.
Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-akkużata tibda tirriforma ruħha mid-droga.
L-avukat sostna li l-klijenta tiegħu għamlet żmien fil-ħabs u spiċċat mingħajr xogħol u bla għajnuna mill-benefiċċji soċjali.
Sostna li l-mara m’għandhix flus biex tixtri tiekol u li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-ħabs huwa aħjar.