Tinżamm arrestata wara li attakkat u serqet mara

Żagħżugħa ta’ 24 sena qed tinżamm arrestata wara li qed tkun akkużata li x-xahar li għadda attakkat u serqet persuna fil-pubbliku.
Il-każ seħħ kmieni filgħodu tal-erbatax ta’ Mejju, meta t-tfajla daħlet f’karozza pparkjata biex tisraq u aktar tard heddet persuna b’sikkina u serqitilha l-basket li fih kellha €80 fi flus kontanti, karta tal-kreditu u liċenzja tas-sewqan.
It-tfajla, li wieġbet mhux ħatja, qed tkun akkużata b’serq, li żammet persuna kontra l-volontà tagħha, li wettqet ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor u li kellha sikkina fil-pussess tagħha.
Dan kollu seħħ meta l-istess tfajla tinsab taħt sentenza sospiża. 
It-tfajla kienet ġiet arrestata wara li ppruvat tuża l-karta tal-kreditu li kienet serqet.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat il-ħelsien mill-arrest minħabba l-vjolenza li wettqet l-akkużata fuq il-vittma, għax l-indirizz tagħha mhux ċar, minħabba l-kondotta tagħha u anke għax diversi xhieda, fosthom il-vittma, għad iridu jixhdu.
Id-difiża qalet li wara li rebħet il-vizzju tad-droga, l-akkużata kienet qed tgħix ħajja trankwilla u li l-kondotta kriminali ma għandhiex tpoġġi preġudizzju fuqha. Qalet ukoll li l-akkużata qed tgħix ma’ ommha u li għandha bżonn assistenza medika kuljum minħabba kundizzjoni li tbati minnha.
Minkejja dan, il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Neville Camilleri, ma laqgħetx it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tar-reati u għax l-akkużata kienet reċediva.It-tfajla se tkun qed tinżamm fit-Taqsima Forensika biex tingħata l-kura li għandha bżonn.