Tinżamm arrestata wara li allegatament serqet mingħand anzjana

Luke Zerafa

Mara li allegatament serqet mingħand mara anzjana fl-Imsida nżammet arrestata. Biex daħlet fid-dar tal-anzjana, l-akkużata gidbet u qalet li kienet professjonista tas-saħħa .

Dalgħodu l-mara ta’ 45 sena minn Wied il-Għajn tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Hi wieġbet li mhix ħatja meta ġiet akkużata b’serq aggravat.

It-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti.

Ilbieraħ l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, responsabbli mis-Sitt Distrett, qalet li “minkejja l-ġranet twal sabiex ninforzaw il-liġijiet fejn tidħol il-COVID-19, ix-xogħol tagħna baqa’ għaddej. Kien ta’ pjaċir tagħna li meta l-anzjana ġiet l-għassa biex inkellmuha, rajna wiċċha jixgħel hekk kif infurmajniha li solvejna l-każ f’ħin relattivament qasir”.

Appellat lill-persuni vulnerabbli biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom. Ħeġġet biex min ikollu suspett iċempel mill-ewwel lill-Pulizija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn