Tinżamm arrestata l-mara li nqabdet bid-droga fejn il-pixkerija

Mara ta’ 30 sena tressqet il-Qorti akkużata b’pussess ta’ 72 pakkett ta’ droga kokaina, eroina u cannabis. Il-mara dehret quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.

Fil-Qorti l-ispettur spjegat li l-pakketti misjuba ma kinux għall-użu personali tal-mara kif ukoll li l-mara kisret il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża. L-Ispettur spjegat li l-karozza tal-mara twaqqfet mill-pulizija qrib il-pixkerija fil-Belt Valletta u wara tfitxxija li saret instabu 72 pakkett tad-droga.

L-avukat difensur qal li huwa se jkun qiegħed jikkontesta dawn l-akkużi. Żied li l-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. L-Avukat talab il-ħelsien mill-arrest tal-mara bl-argument li m’hemmx xhieda li jridu jixhdu. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li l-mara ġiet arrestata wara informazzjoni li rċeviet b’mod kunfidenzjali u żiedet li l-mara kienet qiegħda ġġorr 72 pakkett tad-droga.

Il-Maġistrat ikkunsidra l-akkużi miġjuba kontra l-mara u ma kienx konvint li se tkun qiegħda tobdi l-kundizzjonijiet tal-bail. Għalhekk huwa ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-mara.