Tintgħażel il-Maġistrat għall-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Dr Nadine Lia

Read in English.

Il-Maġistrat Nadine Lia telgħet bil-polza biex tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, suspettat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat intgħażlet it-Tnejn filgħodu biex tmexxi l-kumpilazzjoni, li għandha tibda qabel il-15 ta’ Diċembru. Madanakollu hi tista’ tagħżel li tirrekuża ruħha mill-każ, minħabba li l-avukat Paul Lia, li hu l-avukat personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, jiġi missier żewġha.

Nhar is-Sibt li għadda, Fenech wieġeb mhux ħati għar-reati li kien akkużat bihom. Hu ma talabx għal ħelsien mill-arrest u qed jinżamm arrestat.

Mal-Pulizija, Yorgen Fenech kien allega li l-eks Chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri huwa wara l-assassinju tal-ġurnalista u qal li għandu informazzjoni li tista’ tinkrimina lil diversi ministri tal-Gvern.

Il-Maġistrat Lia kienet waħda mit-tliet maġistrati li nħatru f’April ta’ din is-sena. Il-ħatra tagħha u dik ta’ tliet imħallfin qed tiġi kkontesta fil-Qorti mill-grupp Repubblika, li qed jargumentaw li l-ħatriet saru bi ksur tal-liġi Ewropea.

Biex qed jiġi akkużat Yorgen Fenech?

Li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofsinhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data:

  • ippromwova, ikkostitwixxa, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali
  • ipparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, meta kien jaf bl-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilita
  • Irrenda ruħu kompliċi ma’ terzi bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar. Ikkaġunawlha l-mewt.
  • Assoċċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra, bil-għan li jagħmel delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija
  • Irrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li b’sustanza splussiva, għamlu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed fil-periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.